Internazzjonali

Renju Unit: Ir-relazzjoni bejn Epstein u Mandelson ħalla ‘fallout’ diżastruż għall-Gvern ta’ Starmer

Ritratt: BBC News

Qed tikber il-pressjoni biex Keir Starmer jirriżenja minn Prim Ministru tar-Renju Unit fid-dawl tar-rivelazzjonijiet li ħerġin mill-Epstein Files…Rivelazzjonijiet li qed juru li Starmer spiċċa mqarraq kemm-il darba minn Peter Mandelson, konsulent qrib tiegħu u eks-Ministru tal-Gvern li, fl-aħħar jiem, kien kostrett li jirriżenja mill-Partit Laburista fil-Gvern, kif ukoll mill-House of Lords ta’ Londra.

Mandelson kellu relazzjonijiet sodi u mill-qrib ma’ Jeffrey Epstein, il-biljunarju-kriminal li kien jittraffika lill-bniet u s-subien għal skopijiet sesswali u li kien fdat ħafna minn uħud mill-aktar personalitajiet prominenti fil-politika u l-industrija….Pedofelu li, f’Awwissu tal-2019, instab mgħallaq fiċ-ċella tal-ħabs fejn hu kien qed jinżamm.

Peter Mandelson qed ikun akkużat li rċieva l-għexieren tal-eluf mingħand Epstein meta hu kien qed juża r-relazzjoni mal-biljunarju għall-gwadann personali u fejn anki ħadem kontra l-interessi ta’ pajjiżu biex jaġevola lill-ħabib tiegħu.

Sadanittant, Liz Saville Roberts, il-Kap tal-grupp tal-partit politiku ta’ Wales, Plaid Cymru, f’Westminster, ħarġet bi kritika diretta għal Keir Starmer u staqsiet kif il-pajjiż jista’ ikompli jafda fih bħala Prim Ministru.

Saville Roberts irreferiet għal-leak mill-famużi files li jiżvela meta, snin ilu, Jeffrey Epstein kien inħeles mill-ħabs wara li nstab ħati dwar abbużi sesswali fuq it-tfal u b’Mandelson jirreferi għall-iżvilupp bħala ‘il-Jum tal-Liberazzjoni’.

Hi sostniet li l-assoċjazzjoni ta’ Mandelson ma’ Epstein kienet magħrufa meta l-Prim Ministru Starmer kien ħatru bħala l-Ambaxxatur Britanniku għall-Istati Uniti –  liema rwol ġie rtirat ladarba beda ħiereġ gelgul ta’ informazzjoni xokkanti mill-Epstein Files.

Akkużi u kritika

Sadanittant, il-politiku minn Wales u deputati oħrajn f’Westminster – inklużi membri tal-Partit Laburista fil-Gvern – qed jiddubitaw kemm jistgħu jserrħu moħħhom fil-ġudizzju ta’ Starmer bħala Prim Ministru.

Il-Kap tal-Partit Konservattiv, Kemi Badenoch, akkużat lil Starmer b’li ‘ipprova jwettaq sabutaġġ għall-proċess biex jinħarġu l-files li jixħtu dawl fuq ir-relazzjoni ta’ Mandelson ma’ Epstein’…Dan  waqt li Badenoch insistiet biex id-dokumenti relatati ma’ Epstein u Mandelson kollha jinħarġu għall-konsum tal-pubbliku.

Dan minkejja li Keir Starmer esprima stmerrija għall-kummenti u aġir ta’ Mandelson filwaqt li ċaħad li kien jaf dwar ‘l-iskala tar-relazzjoni bejn l-eks-Ambaxxatur u Jeffrey Epstein’.

Starmer, fil-preżent, mhux jitlef okkażjoni waħda biex jiskolpa ruħu minn sitwazzjoni skomda ħafna. Iżda l-kredibbiltà tal-Kap Laburista fil-Gvern sofriet daqqa ta’ ħarta tremenda b’dak kollu li ġie żvelat dwar Mandelson.

Il-Prim Ministru qed ikompli jinsisti li ‘Mandelson baqa’ jigdeb u joħloq il-qlajjiet minn żniedu dwar ir-relazzjoni li kellu ma’ Epstein’…Gideb li, fi kliem Starmer, baqa’ ikun ripetut  f’kull kuntatt ta’ Mandelson miegħu u mal-membri tal-Gvern Britanniku. Fl-istess ħin il-Prim Ministru sostna li ‘jiddispjaċih għall-mewt’ li deċieda biex jaħtar lil Mandelson bħala Ambaxxatur għall-Istati Uniti, fl-2024.

U waqt li rrankat il-pressjoni fuq Starmer, hu informa lill-Parlament ta’ Londra li għandu joħroġ il-materjal kollu relatat mal-ħatra ta’ Mandelson bħala ambaxxatur – ħlief għad-data klassifikata bħala ‘detrimentali għar-relazzjonijiet internazzjonali’.

Suġġett għall-mistoqsijiet

Iżda għalkemm Starmer qed jipprova ‘jidfen’ il-fatt li hu kellu fiduċja kbira fil-ħiliet diplomatiċi ta’ Mandelson, il-Prim Ministru se jibqa’ suġġett għall-mistoqsijiet dwar kif ċerti affarijiet setgħu jibqgħu għaddejjin minn quddiem wiċċu.

Dan b’mod partikulari wara li wħud mill-files qed juru li Mandelson, fl-2010, kien għamel lobbying mal-Gvern Amerikan dwar ir-regoli bankarji u fejn kien qed jaġixxi fuq it-talba espliċita ta’ Jeffrey Epstein…..Talba li kienet maħsuba li tiffavorixxi lill-biljunarji u l-akbar faxxa tas-sinjuri fl-Istati Uniti.

Intant, fil-jiem li ġejjin, mistennija tirranka l-investigazzjoni kriminali dwar Mandelson li hu akkużat ukoll b’li għadda lil Epstein l-informazzjoni tal-Gvern Britanniku li kienet ‘sensittiva ħafna għas-swieq’…Dan waqt li l-Prim Ministru Starmer qed jisħaq ċar u tond li ‘Mandelson  ittradixxa pajjiżu b’dan l-aġir’.

Fil-preżent, Starmer u l-uffiċjali tal-Gvern qed jaħdmu fuq abbozz ta’ leġislazzjoni biex Peter Mandelson jitlef ukoll it-titlu ta’ ‘Lord’ Dan waqt li anki r-Re Karlu tal-Ingilterra qabel li Mandelson għandu jitneħħa darba għal dejjem mill-Privy Council  magħmul mill-konsulenti li jaqdu r-rwol tagħhom fuq bażi onorarja.

Peter Mandelson għadu qed jirrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-media u meta hu qed jiddefendi ruħu fir-rigward tal-akkużi ….Il-pożizzjoni tiegħu hi li fl-ebda waqt ma aġixxa b’mod kriminali u li, fl-istess ħin, ma kienx immotivat biex jikxef l-informazzjoni tal-Gvern għall-gwadann finanzjarju.