Lokali

Tlieta mill-Kabinett tal-Ministri ma jivvutawx mal-Gvern

Waqt il-vot li ttieħed illum fil-Parlament, 39 membri tal-Gvern ivvutaw favur u 34 membri tal-Oppożizzjoni ivvutaw kontra.

Net News jista’ jikkonferma li tliet membri tal-Kabinett ma vvutawx fuq din il-mozzjoni tal-Gvern stess.

Waqt is-seduta tal-lejla, Alex Borg appella lill-Prim Ministru biex minflok jibni l-ħitan, jibni l-pontijiet. Appellalu jaħdem għall-qbil nazzjonali u mhux jidħol f’piki partiġjani.

Huwa qal li mhu veru xejn li hawn xi kriżi kostituzzjonali f’pajjiżna, għax il-Kostituzzjoni tgħid ċar li jekk fil-Parlament ma jkunx hemm maġġoranza ta’ żewġ terzi, min hemm fil-kariga jibqa’ Prim Imħallef. 

Din, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, hija biss kriżi politika li mhi tort ta’ ħadd ħlief ta’ Robert Abela u l-aġir irresponsabbli tiegħu. Kriżi li ħoloqha min għażel il-konfront minflok il-konsultazzjoni. Min għażel l-impożizzjoni flok id-diskussjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li meta jiġu mumenti kostituzzjonali sensittivi, politiċi serji għandhom ikunu kapaċi jogħlew mill-partiġjaniżmu.

Il-Malta ta’ għada jistħoqqilha istituzzjonijiet b’saħħithom, rispettati u protetti minn min għandu d-dmir li jmexxi.

Fi tmiem is-seduta, li nfetħet b’diskors tal-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u ngħalqet b’diskors tal-Prim Ministru Robert Abela, il-Parlament ivvota fuq il-Mozzjoni tal-Gvern li ma ġietx approvata għax ma kisbitx iż-żewġ terzi meħtieġa.