- Jekk kien hemm nuqqas ta’ qbil, Robert Abela messu qatt ma ressaq nomina ta’ persuna biex tiġi mżebilħa
- L-Oppożizzjoni tivvota kontra l-Mozzjoni mressqa mill-Gvern dwar il-Prim Imħallef
- Il-Kap tal-PN Alex Borg jappella għal politika matura u rispett lejn il-ġudikatura u lejn il-poplu
Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Alex sostna fil-parlament llejla li l-pajjiż wasal s’hawn fuq il-kariga ta’ Prim Imħallef ġdid tort tal-Prim Ministru Robert Abela. Għalhekk fis-seduta tal-bieraħ l-Oppożizzjoni vvutat kontra mossjoni tal-Gvern li jaġixxi ta’ bully.
Wara l-mistoqsijiet parlamentari il-Whip tal-Gvern Naomi Cachia ressqet il-mozzjoni biex il-parlament jissospendi l-aġenda li għandu quddiemu u jiddiskuti mozzjoni tal-gvern biex l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tkun maħtura Prim Imħallef.
Din il-mozzjoni kienet diġà tressqet fis-seduta tat-Tlieta iżda l-Ispeaker Anġlu Farrugia kien iddikjara f’ruling li ma setgħetx tkun diskussa għax ma kinitx skont il-prċedura parlamentari li tesiġi li mozzjoni trid tliet ijiem biex kun diskussa fil-parlament.
Fis-seduta tat-Tlieta, qabel ir-ruling tal-Ispeaker, il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar kien iddikjara li l-Oppożizzjoni tinsisti li l-parlament jimxi skont il-regoli tal-Kamra.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li d-deċiżjoni tal-Oppożizzjoni fis-seduta tat-Tlieta kienet skont ir-regoli tal-parlament iżda wara li kien tkellem mal-Presiden ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-mozzjoni għandha tkun diskussa u jittieħed vot dwarha. Din il-pożizzjoni fetħet ir-triq biex ikun jista’ jsir id-dibattitu parlamentari dwar il-mozzjoni tal-Gvern.
L-ewwel kelliem fis-seduta kien il-Mnistru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, warajh tkellem il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg u l-Prim Ministru Robert Abela għalaq id-dibattitu. Wara ttieħed il-vot.
Il-Ministru tal-Ġustizzja ġġustifika l-fatt li l-gvern żvela l-isem tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera waqt il-proċess ta’ konsultazzjoni u qal li l-gvern għamel dan skont it-trasparenza.
Wara li ntervjena l-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni ċaħad li hu kien ikkomunika mal-Imħallef Scerri Herrera dwar din il-kariga u qal li allaħares kellu jgħid dak li qallu l-Prim Ministru dwar għaliex għażel lil Scerri Herrera. Il-Prim Ministru bidel il-pożizzjoni tiegħu u issa allega li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien bagħat messaġġ lil Scerri Herrera permezz ta’ persuna oħra. Il-Kap tal-Oppożizzjoni ċaħad dan ukoll u qal li l-Prim Ministru ma kinx qed jgħid l-verità.
Meta kompla, il-Ministru tal-Ġustizzja kompla jipprova jiġġustifika l-pożizzjoni tal-gvern u qal li l-gvern irid diskussjonijiet serji.
Il-Kap tal-PN Alex Borg qal li llum ma ninsabux quddiem diverġenza politika. Illum qed niddiskutu kwistjoni li tmur fil-qalba tal-istituzzjonijiet demokratiċi tagħna, il-proċess ta’ ħatra ta’ Prim Imħallef. Proċess li għandu jkun mibni fuq fiduċja, diskrezzjoni, rispett reċiproku u fuq kollox sens nazzjonali. Madankollu, dak li rajna f’dawn l-aħħar ġimgħat kien il-kuntrarju. Il-poplu għandu jifhem għaliex dan il-mod ta’ tmexxija tal-prim Ministru huwa inaċċettabbli.
Alex Borg qal li l-Prim Ministru ma ġiex minn jeddu biex jikkonsulta mal-Oppożizzjoni dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef. Għandna Prim Ministru li jirreaġixxi u mhux jaġixxi, jimponi u mhux jiddiskuti. Kien biss wara li ftit ġimgħat ilu għamilt stqarrija pubblika, fejn għidt b’mod ċar li sa dak il-mument ma kontx ġejt ikkonsultat, li l-Prim Ministru ftakar li teżisti Oppożizzjoni li trid tagħti l-approvazzjoni tagħha b’żewġ terzi, sostna Aex Borg, li kompla li dan mhux sempliċi żball amministrattiv. Mill-bidu kien jidher ċar li dan kien se jkun eżerċizzju partiġġjan min-naħa tal-Prim Ministru.
Il-Kap tal-PN sostna li meta finalment bdew il-laqgħat, hu għamel il-pożizzjoni tiegħi ċara mill-ewwel li n-nomina li ressaq il-Prim Ministru ma kinitx se ssib l-approvazzjoni tal-Parlament.
Ħaġa forsi li ma fehemx il-Prim Ministru hi li meta tkun taf li hemm bżonn maġġoranza ta’ żewġ terzi, ma tipproċedix b’mentalità ta’ take it or leave it. Tipproċedi billi tibni kunsens kif ippruvajt nibni jien miegħu u li rrifjuta sa mill-bidu nett.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li hekk kif ma kienx hemm qbil dwar in-nomina tal-Prim Ministru hu ippropona isem alternattiv li żamm kunfidenzjali biex jirrispetta s-saħħa u l-indipendenza tal-ġudikatura. Għamilt dan b’sens ta’ responsabbiltà, mhux biex nikkontesta jew biex inħassar, iżda biex insolvu. Biex naqblu. Ir-risposta tal-Prim Ministru kienet testwalment; ‘Irrid niddiskuti mal-grupp parlamentari u nkellmek lura.’
Hawn irrid nagħmel mistoqsija waħda sempliċi li l-pajjiż għandu d-dritt jisma’ r-risposta tagħha: ‘Iddiskutejtha jew le mal-grupp parlamentari tiegħek?’, staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni lill-Prim Ministru, li kompla li jekk iddiskutewha u ma tax tweġiba, dan juri nuqqas ta’ rispett lejn il-proċess kostituzzjonali. Jekk ma ddiskutejthiex, allura dan juri li anqas lejn sħabek ma għandek rispett, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
“Jien m’inix persuna li nħobb nagħmel il-politika bl-ittri. Il-politika tan-nies titlob għaqda u rġulija, mhux turija ta’ saħħa. Ma bqajtx sieket. Kelli ndur għall-korrispondenza formali. Għamilt appelli pubbliċi. Għidtlu lill-Prim Ministru li lest niltaqa’ x’ħin u fejn irid. Ma kontx qed nitlob favur politiku, kont qed nitlob sempliċiment li nagħmlu xogħolna”, sostna Alex Borg.
Meta Oppożizzjoni tasal biex kważi titlob laqgħa biex tinstab soluzzjoni nazzjonali u l-Prim Ministru jibqa’ ma jirrispondix, hemm problema serja ta’ tmexxija, sostna Alex Borg, li kompla li f’dan il-kuntest irid infakkar x’qalet il-Kamra tal-Avukati; vuċi awtorevoli li għandha kredibilità fil-qasam tal-ġustizzja.
Il-Kamra tal-Avukati espremiet tħassib li ismijiet ta’ kandidati qed jissemmew pubblikament qabel ma jintlaħaq qbil bejn iż-żewġ naħat tal-Parlament u sostniet li, minħabba n-natura delikata tal-kariga, kien mistenni li jintlaħaq qbil qabel ma l-isem jiġi diskuss fil-pubbliku. Dan huwa punt fundamentali li l-Prim Ministru ma fehemx imma li kulħadd fehem.
Il-ħatra ta’ Prim Imħallef mhijietx esebizzjoni tat-talenti. Mhijiex opportunità għal kalkolu politiku u partiġġjan kif uża l-Prim Ministru. Li ma fehemx il-Prim Ministru hu li meta ssemmi isem ta’ kariga ta’ Prim Imħallef mingħajr qbil, tkun qed tagħmel ħsara mhux biss lill-proċess tkun qed tagħmel ħsara lill-persuna nnifisha, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li meta imħallef jiġi espost għal dibattitu politiku qabel ma jkun hemm kunsens, jibda jitqajjem tħassib serju anki bla bżonn fuq l-imparzjalità tiegħu jew tagħha u tiġi inevitabbilment kompromessa. Il-ġustizzja trid issir u trid tidher li qed issir.
“Ħa nkun ċar: għandi kull rispett lejn kull membru tal-ġudikatura inkluż dik nominata mill-Prim Ministru. L-imġieba tiegħi f’dan il-proċess uriet li dak ir-rispett għandu jinżamm f’kull ħin u kull mument u hekk sejjer nibqa’ nagħmel. Kelli kull opportunità biex minn dan il-proċess nagħmel farsa politika imma pajjiżna qiegħed jitlob il-maturità politika li niddiskutu u naqblu fuq Prim Imħallef fl-ispirtu ta’ kif inhi miktuba l-Kostituzzjoni”, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Alex Borg qal li jekk jintefa’ dell ikrah fuq il-reputazzjoni ta’ imħallef minħabba proċess irresponsabbli, ir-responsabbiltà hija ta’ min ħoloq dik is-sitwazzjoni.
Fl-aħħar xhur jidher li l-Prim Ministru saru jogħoġbuh tal-kriżijiet. Kriżi mal-Oppożizzjoni. Kriżi ġeo-politika. Kriżi kostituzzjonali fejn m’hemmx. Kriżi retorika mibnija fuq narrattivi li ma jżommux. Ejja ngħiduha kif inhi; m’hemm l-ebda kriżi kostituzzjonali, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li spjega li l-Kostituzzjoni hija ċara.
Artikolu 96(3) jgħid li l-Prim Imħallef jinħatar mill-President skont riżoluzzjoni appoġġjata minn mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri tal-Kamra. Jekk dik il-maġġoranza ma tintlaħaqx, il-persuna li tkun qed taġixxi tibqa’ fil-kariga sakemm jintlaħaq qbil. Allura fejn hi l-kriżi? Il-verità hija waħda; il-kriżi hija politika u ħoloqha min għażel il-konfront minflok il-konsultazzjoni. Għażel l-impożizzjoni flok id-diskussjoni. Għażel il-partit flok in-nazzjon kif qal l-ex Ministru Roderick Galdes, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Il-Prim Ministru qiegħed jipprova jidher bħala politiku li jilħaqlu. Iżda l-poplu Malti jaf jagħraf x’inhi l-verità. Il-poplu jinduna meta tmexxija tkun ibbażata fuq kalkolu partiġġjan minflok fuq interess nazzjonali u hekk qiegħed jiġri f’dan il-każ.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni appella lill-Prim Ministru biex jissospendi s-seduta u jmorru fl-uffiċċju tiegħu biex tinstab soluzzjoni flimkien.
Alex Borg qal li fid-dell ta’ dawn l-argumenti u fir-rispett lejn il-ġudikatura u fin-nuqqas ta’ qbil li teżisti dwar in-nomina mressqa mill-Prim Ministru bħala grupp paralmentari se nivvotaw kontra. Dan qed nagħmlu b’rispett lejn il-ġudikatura kollha u lejn il-poplu Malti u Għawdxi kollu. Jekk hemm nuqqas ta’ qbil dik in-nomina qatt ma kellha titressaq biex tiġi imżebilħa. Wasalna s’hawn tort tiegħek Prim Ministru, sostna Alex Borg.
F’pajjiż matur demokratikament, ħatra bħal din titlob għaqda nazzjonali, mhux turija ta’ muskoli politiċi. Titlob sens ta’ Stat,tmexxija ta’ vera u li kelma ta’ raġel tinżamm. Prim Ministru għandu jaġixxi ta’ Prim Ministru; mhux ta’ bully.
Nagħmillu appell sinċier; ejja flimkien nersqu mal-mejda tad-djalogu. Ibni pontijiet, mhux ħitan. Fittex il-qbil nazzjonali u mhux rebħa partiġġjana. Ejja naraw l-abjad u l-aħmar. Għax il-ħatra ta’ Prim Imħallef mhijiex rebħa għal xi partit. Hija rebħa jew telfa għall-pajjiż kollu.
Ejjew ma nħallux kalkoli politiċi jtellfu l-fiduċja tal-poplu fil-ġustizzja. Ejjew nuru li meta jiġu mumenti kostituzzjonali sensittivi, aħna kapaċi nogħlew ’il fuq mill-partiġġjaniżmu. Il-Malta ta’ għada jistħoqqilha istituzzjonijiet b’saħħithom, rispettati u protetti minn min għandu d-dmir li jmexxi, temm il-Kap tal-Oppożizzjoni li l-poplu nduna min għandu l-interess partiġġjan u mingħandu għal qalbu lil Malta u Għawdex.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-ewwel diskussjoni li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-ħatriet ta’ Prim Imħallef u Awditur Ġenerali kienu fil-laqgħat li kienu saru bejniethom u uffiċjali oħra tal-PN u l-PL meta Alex Borg sar Kap tal-PN. Il-Prim Ministru tkellem dwar ir-raġunijiet għaliex għażel lil Consuelo Scerri Herrera għal Prim Imħallef u qal li hi għandha kwalitajiet legali, kwalitajiet ta’ tmexxija tal-ġudikatura u l-effiċjenza.
Il-Prim Ministru qal li wasal il-waqt li jiddaħħlu sistema kif sitwazzjonijiet bħal dawn ikunu żblukkati.
Fi tmiem id-dibattitu ttieħed il-vot li fih 39 membru ivvotaw favur u 34 membru ivvota kontra. Għalhekk il-mozzjoni tal-gvern ma kisbitx iż-żewġ terzi meħtieġa biex tkun approvata.
//= $special ?>

