Kultura Lokali

Żejtune fis-swal taċ-ċinemas f’Malta mit-8 ta’ April 2026

Mar

Żejtune, il-film il-ġdid ta’ Alex Camilleri, li dderiġa ukoll il-film Luzzu, ser jinħareġ fis-swali taċ-ċinema madwar Malta u Għawdex nhar l-Erbgħa 8 ta’ April 2026. Il-film ser jintwera fi tliet cinemas ewlenin l-Eden Cinemas f’San Ġiljan, l-Embassy Cinemas fil-Belt Valletta u f’Citadel Cinemas f’Għawdex.

Il-film intwera għall-ewwel darba l-ġimgħa li għaddiet fil-49 edizzjoni tal-Göteborg Film Festival, fejn intlaqa’ b’mod pożittiv mill-udjenzi li attendew il-wirjiet tiegħu. Żejtune se jkollu l-premiere uffiċjali tiegħu f’Malta fl-Eden Cinemas nhar l-Erbgħa 18 ta’ Marzu 2026. L-udjenzi se jkollhom ukoll l-opportunità jiltaqgħu mal-filmmakers u jipparteċipaw f’diskussjonijiet fuq il-film f’żewġ screenings speċjali f’Citadel Cinemas f’Għawdex nhar it-Tnejn 30 ta’ Marzu 2026, u fl-Embassy Cinemas fil-Belt Valletta nhar it-Tnejn 6 ta’ April 2026.

Żejtune jirrakkonta l-istorja ta’ Mar, interpretata minn Michela Farrugia, mara żagħżugħa lesta tħalli warajha l-gżira żgħira ta’ Malta. Il-mewt ta’ ommha, li ma kellhix wisq rapport magħha, toffrilha opportunità permezz tal-wirt ta’ tliet biċċiet art li beħsiebha tbigħ. Hekk kif tibda vjaġġ biex titlob il-wirt, Mar tiltaqa’ ma’ Nenu, interpretat minn Nenu Borg (kantant veteran tal-għana li qed jagħmel id-debutt tiegħu fuq l-iskrin fl-età ta’ 82 sena), li l-mużika folkloristika vibranti tiegħu tiġbidha lejn it-tradizzjonijiet ikkuluriti ta’ gżira li hi tant trid taħrab minnhom.

B’kumment dwar il-ħruġ tal-film f’Malta, id-direttur Alex Camilleri qal: “Dan il-film kien vjaġġ ta’ bosta snin, maħdum flimkien ma’ tim li emmen li din l-istorja bl-għana fiċ-ċentru tagħha setgħet tilħaq udjenzi kullimkien. L-akkoljenza li rċevejna f’Göteborg kienet l-ewwel konferma sabiħa ta’ dak it-twemmin. Ninsabu ħerqana biex nuru l-film f’daru, f’Malta u Għawdex, fejn twieldet l-istorja, il-karattri u l-mużika, u fejn nemmnu li se jolqot l-aktar fil-fond.”

Il-film huwa prodott minn Oliver Mallia ta’ Pellikola, Ramin Bahrani ta’ Noruz Films u Alex Camilleri ta’ Solari Productions, bil-ko-produtturi Fred Burle u Sol Bondy ta’ One Two.