It-Teatru Manoel u l-Malta National Opera, nedew il-produzzjoni ferm mistennija tal-opra ‘Falstaff’ ta’ Giuseppe Verdi, li se tittella’ bejn it-22 ta’ Frar u l-1 ta’ Marzu li gej u tifforma parti minn programm artistiku li qed iqiegħed l-opra fiċ-ċentru tal-ħajja teatrali lokali.
Meta tkellem ma’ Net News, id-direttur artistiku tat-Teatru Manoel, Adrian Mamo, spjega kif it-teatru għandu tliet snin f’kollaborazzjoni mal-Malta National Opera. Huwa rrefera wkoll għall-importanza tal-esperjenza tat-tenur Malti Nico Darmanin, li qed tgħin biex jinħoloq kapitlu ġdid fl-iżvilupp tal-opra f’Malta.
It-tenur Malti Nico Darmanin, li fl-aħħar snin kompla jsaħħaħ il-preżenza tiegħu fid-dinja tal-opra permezz ta’ produzzjonijiet internazzjonali, spjega kif qed jaħdem sabiex jinħolqu strutturi li jqiegħdu lill-artisti Maltin fiċ-ċentru ta’ opportunitajiet ta’ livell internazzjonali.
Hu sostna li wasal iż-żmien li l-artisti lokali jingħataw aċċess għal opportunitajiet li qabel forsi ma kinux jeżistu.
Fuq il-palk se naraw lil Kiril Manolov, wieħed mill-aktar baritoni stmati fid-dinja – u li se jkun propju fl-irwol ta’ Falstaff.
Miegħu se jingħaqdu artisti internazzjonali minn teatri prestiġjużi.
Taħt id-direzzjoni kreattiva ta’ Barbara Diana, l-opra se tiġi ppreżentata bħala programm televiżiv tas-snin sittin, fejn id-dinamika u l-estetika grafika joħolqu spazju teatrali li jsaħħaħ l-enerġija komika distintiva ta’ Giuseppe Verdi.
//= $special ?>
