Lokali Qorti

Il-President tintervjeni wara t-talba tal-Kap tal-PN; Id-diskussjonijiet se jkomplu

Id-diskussjonijiet bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-Prim Imħallef se jkomplu grazzi għall-intervent tal-President tar-Repubblika. Dan wara li illejla, Myriam Spiteri Debono sejjħet fil-Palazz ta’ San Anton kemm lil Robert Abela kif ukoll lil Alex Borg.

Fil-fatt, wara l-azzjoni li ħa Alex Borg dalgħodu biex il-President tintervjeni, issa sar magħruf li d-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat se jkomplu għada. Dan ikkonfermah mal-ġurnalisti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnifsu, fi tmiem il-laqgħa li kellu mal-President Spiteri Debono.

Bil-Kap tal-Partit Nazzjonalista jispjega wkoll li l-President saħqet li din in-nomina ma tistax tiġi imposta minn naħa waħda biss, propju l-istess ħaġa li ilu jisħaq dwarha Alex Borg.

Din is-saga sħiħa żviluppat wara li l-Prim Ministru baqa’ stinat bl-isem li ried hu għal Prim Imħallef minflok daħal f’diskussjonijiet serji mal-Oppożizzjoni. Dan meta kien jaf li għal din il-ħatra jeħtieġ konsensus Parlamentari.

Għalissa, Mark Chetcuti għadu qed jokkupa l-kariga ta’ Prim Imħallef.