Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg dalgħodu talab lill-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono biex tkun ta’ kenn għall-proċess tal-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid u tippresiedi kull laqgħa bejnu u l-Prim Ministru dwar din in-nomina.
F’messaġġ li xxandar fuq il-media soċjali tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li jħoss li f’ċirkostanzi bħal dawn, il-President hija l-aħjar persuna biex tiddefendi l-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-proċessi relatati magħha.
Fid-dawl ta’ dan, talabha biex tmexxi l-laqgħat li jridu jsiru bejnu u l-Prim Ministru dwar din in-nomina, u qal ukoll li jemmen li dan il-proċess għandu jsir ukoll għall-ħatra tal-Awditur Ġenerali.
Alex Borg qal li jemmen li dan hu l-aħjar interess tal-pajjiż biex nimxu ’l quddiem. Għax Malta tiġi l-ewwel u qabel kollox.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni spjega li qed jagħmel dan fid-dawl tal-ħafna dikjarazzjonijiet foloz li saru dwar il-komunikazzjoni ta’ bejnu u l-Prim Ministru.
Il-proċess tilef l-importanza u l-kredibbiltà tiegħu għax ma għadux dwar min se jkun Prim Imħallef imma jekk il-poplu Malti jafdax lill-Prim Ministru bl-aġir tiegħu.
Hu spjega li dan qiegħed jagħmlu mhux biex iħassar jew biex jgħid le għal xi ħaġa jew xi ħadd imma fl-interess tal-pajjiż u biex ikollna istituzzjonijiet li huma sinċieri u fl-istess ħin ma jgħaddux bħal romblu minn fuq kulħadd.
Alex Borg stieden lil kulħadd biex jara u jevalwa l-imġiba tal-Prim Ministru f’dawn l-aħħar ġimgħat fejn biddel il-verżjoni iktar minn darba fejn morna minn nuqqas ta’ konsultazzjoni għal dikjarazzjoni falza li baqgħet bla risposta, u għall-fatt li kien sejjer ikollna xi qasma fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Minn dan kollu ma seħħ xejn u l-Grupp Parlamentari tal-PN huwa magħqud, jiddefendi l-interess nazzjonali, u jiddefendi lil kull Malti u Għawdxi minn Prim Ministru li ma għandu l-ebda problema li jgħid affarijiet li mhumiex minnhom.
Il-Kap tal-PN temm jgħid li minkejja li issa tilef kull fiduċja fil-kelma li jista’ jagħti l-Prim Ministru, qiegħed xorta jistiednu jersaq mal-mejda biex jiddiskutu, bil-barka tal-President ta’ Malta, dwar dawn iż-żewġ ħatriet ta’ importanza nazzjonali.
//= $special ?>

