Huwa assolutament falz li jien b’xi mod innominajt lill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera għall-kariga ta’ Prim Imħallef.
Hekk iddikjara l-Kap tal-PN Alex Borg wara li fid-dibattitu Parlamentari tal-bieraħ il-Prim Ministru għamel sensiela ta’ dikjarazzjonijiet foloz.
“Għadni sorpriż u xxukkjat li qatt xi darba Prim Ministru jasal biex iqum u jigdeb waqt li jżomm wiċċu dritt quddiem nazzjon. Filwaqt li jien qiegħed quddiemu u jaf perfettament li qed jigdeb.”
Alex Borg ikkonferma li kien qal kemm-il darba lill-Prim Ministru li ma hemmx qbil dwar in-nomina tiegħu.
“Inħeġġu ma jinħebiex wara l-privileġġ parlamentari u jgħid l-istess kliem barra l-Parlament u jerfa’ r-responsabbiltà ta’ kliemu. Inħalli f’idejn il-poplu Malti biex jiġġudika min qiegħed jgħid il-verità.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni tenna li hu lest li jressaq diversi ismijiet idonei għall-kariga ta’ Prim Imħallef u jiddiskutuhom flimkien.
“Inħeġġu jersaq mal-mejda jiddiskuti llum qabel għada. Il-bieb ħa jibqa’ dejjem miftuħ.”
//= $special ?>

