Lokali

Il-produttività, mhux l-ideoloġija, trid tiggwida d-dibattitu f’Malta dwar il-ħin tax-xogħol

Id-dibattitu dwar ġimgħa ta’ xogħol ta’ erbat ijiem m’għandux jiġi ridott għal slogans jew mudelli importati, iżda għandu jkun ibbażat fuq studji serji u speċifiċi għal Malta li jeżaminaw il-produttività, il-kompetittività u l-kwalità tal-ħajja.

Meta kien qed jindirizza l-konferenza tal-Malta Employers dwar il-kunċett ta’ ġimgħa ta’ erbat ijiem f’Malta, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg saħaq li l-isfida vera ta’ Malta mhijiex kemm naħdmu sigħat, iżda kemm noħolqu valur matul dawk is-sigħat. Huwa nnota li Malta taħdem aktar sigħat mill-medja Ewropea, iżda l-produttività għal kull siegħa tibqa’ dgħajfa u instabbli, bi tkabbir fl-aħħar għaxar snin li kien instigat prinċipalment mill-espansjoni tas-suq tax-xogħol – ħafna drabi permezz ta’ ħaddiema importati – aktar milli minn żieda fil-produzzjoni għal kull ħaddiem. Dan il-mudell ħoloq pressjoni fuq l-infrastruttura, żied l-ispejjeż u ġġenera riskji fit-tul għall-ekonomija.

Alex Borg wissa illi li ma jsir xejn mhix għażla mingħajr riskju. Li nkomplu niddependu fuq sigħat twal, ħaddiema importati u policies dwar il-ħiliet li jkunu reattivi se jagħmilha dejjem aktar diffiċli biex inżommu t-talent f’Malta, nappoġġjaw il-familji u nibqgħu kompetittivi. Huwa qabel mal-Malta Employers li l-produttività ma tistax tiġi leġiżlata, il-flessibbiltà ma tistax tiġi imposta, u soluzzjonijiet ta’ one-size-fits-all huma perikolużi ekonomikament.

Meta rrefera għall-esperjenzi internazzjonali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Malta trid tislet l-eżempju mill-evidenza u mhux billi tipprova timita dak li qed jiġri f’postijiet oħra. Huwa nnota li pajjiżi li rnexxielhom jiksbu suċċess għamlu dan permezz ta’ bidliet li wettqu b’negozjati u li kienu data-driven, filwaqt li tnaqqis mgħaġġel jew obbligatorju fil-ħin tax-xogħol ħafna drabi ma kellux l-effetti mixtieq jew saħanistra wassal għal effetti ekonomiċi negattivi. Il-produttività, qal Alex Borg, trid tiġi qabel il-flessibbiltà, u mhux bil-maqlub.

Għal din ir-raġuni, qal Alex Borg, l-Oppożizzjoni tappoġġja l-ħtieġa ta’ studji fil-fond u proġetti pilota mmirati biex jiġi żviluppat mudell speċifiku għal Malta għall-futur tal-qasam tax-xogħol. Dawn l-istudji għandhom jevalwaw ir-realtajiet settorjali, ikejlu r-riżultati tal-produttività u jidentifikaw liema industriji jistgħu jesploraw arranġamenti ta’ xogħol flessibbli jew ġimgħat imnaqqsa, u liema ma jistgħux, mingħajr ma jinħolqu nuqqasijiet ta’ ħaddiema jew telf ta’ kompetittività. Alex Borg enfasizza l-ħtieġa li minbarra l-istudji trid issir ukoll konsultazzjoni serja mal-imsieħba soċjali u l-istakeholders kollha f’dan il-qasam.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq ukoll li kull studju serju għandu jqiegħed it-teknoloġija, id-diġitalizzazzjoni u l-Intelliġenza Artifiċjali fil-qalba tiegħu, flimkien ma’ strateġija komprensiva dwar il-ħiliet. Huwa appella għal eżerċizzju nazzjonali ta’ mapping tal-ħiliet, ġbir ta’ informazzjoni kontinwa dwar is-suq tax-xogħol u investiment bla preċedent fir-re-skilling bħala politika ta’ produttività, biex jinħolqu rwoli ta’ valur ogħla għall-ħaddiema mingħajr sigħat itwal.

Alex Borg ikkonkluda billi qal li Malta mhux mudelli importati tinħtieġ, iżda mudell ibbażat fuq l-evidenza lokali. It-triq responsabbli ’l quddiem mhix l-introduzzjoni ta’ blanket policies, leġiżlazzjoni li tiddaħħal b’mod mgħaġġel, u deċiżjonijiet li ma jkunux ibbażati fuq id-data. It-triq ’il quddiem hija li nistudjaw sew is-sitwazzjoni, indaħħlu proġett pilota meqjus skont il-ħtiġijiet tagħna waqt li ninvestu fil-ħiliet u fit-teknoloġija, u nassugraw level playing field għal kulħadd biex nibnu qafas tax-xogħol flessibbli u mmexxi mill-produttività li jaqbel mar-realtà ta’ Malta.

“Mhix kwistjoni li naħdmu inqas,” qal Alex Borg, “iżda kwistjoni ta’ kif naħdmu aħjar – u li nippreparaw lil Malta għall-futur fil-qasam tax-xogħol.”