Fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) ħarġet 207 ittri ta’ twissija fis-sena 2025 u 114 fis-sena 2024, apparti l-multi. In-numru ta’ multi amministrattivi maħruġa fl-2024 rigward ħruġ ta’ skart kien ta’ 146 fl-2024 u 181 multa amministrattiva fl-2025 dwar ħruġ ta’ skart f’San Pawl il-Baħar.
Apparti l-multi u ittri ta’ twissija maħruġa mill-ERA, il-liġi hija nfurzata wkoll mil-LESA u mill-Pulizija.
Dan intqal mill-Ministru Miriam Dalli fil-Parlament meta wieġbet mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea.
Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li fejn jikkonċerna l-liġi tar-Rimi u s-Separazzjoni tal-Iskart per se, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) toħroġ multa amministrattiva meta persuna tinqabad toħroġ skart mhux skont il-ġurnata stipulata fl-iskeda nazzjonali għall-ġbir tal-iskart; l-iskart ikun inħareġ f’ħin skorrett; persuna tiddepożita skart qrib laned taż-żibel, skips, jew reċipjenti oħra li jinsabu f’post aċċessibbli għall-pubbliku.
L-uffiċjali tal-infurzar isibu dettalji mill-iskart mitfugħ diġà li jwasslu biex jiġi identifikat persuna.
Apparti dan, ittra ta’ twissija tinħareġ meta l-uffiċjali jaraw persuna tiddepożita borża tal-iskart sewda bi skart organiku u/ jew skart riċiklabbli fiha li juri li l-persuna qed tonqos milli tirriċikla l-iskart kif stipulat fil-liġi rispettiva. F’każ li din l-istess persuna tkun diġà nqabdet f’inċident separat toħroġ skart mhux separat b’mod korrett, din tirċievi multa amministrattiva mill-Awtorità mhux ittra ta’ twissija oħra.
//= $special ?>

