Lokali Qorti

Jammetti li hedded lil martu waqt argument fuq kelb

Raġel ta’ 62 sena minn Ħaż-Żabbar ġie ordnat isegwi trattament u weħel multa ta’ €50 wara li ammetta li hedded u inġurja lil martu waqt argument domestiku li nqala’ fuq il-kelb tal-familja. Il-każ, li seħħ fl-24 ta’ Jannar li għadda, wassal ukoll għall-intervent tal-Pulizija u għal rikoveru temporanju tal-imputat fl-Isptar Monte Carmeli.

Fil-Qorti ntqal li l-argument beda meta l-kelb tal-koppja beda jigref il-bieb tad-dar, u dan wassal għal skambju ta’ kliem bejn il-miżżewġin. Waqt dan l-argument, ir-raġel qal lil martu li “se jagħmel waħda minn tiegħu”, kliem li tqies bħala theddid u li wassal biex il-mara tħoss biża’ serja. Aktar tard, ir-raġel bagħat diversi messaġġi li fihom beda jiddikjara li kien se jagħmel ħsara lilu nnifsu.

Is-sitwazzjoni kompliet teskala meta l-imputat, li ġie rrappurtat li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol, ipprova jċempel għall-għajnuna fuq in-numru 179. Madanakollu, bi żball ċempel lill-control room tal-Pulizija u waqt dik it-telefonata reġa’ tenna li kien se “jagħmel waħda minn tiegħu”, dikjarazzjoni li qanqlet tħassib immedjat għall-ħajtu u s-sigurtà tal-mara.

Il-Pulizija marru fuq il-post u assistew lill-koppja, fejn irriżulta li ma kien hemm l-ebda ġrieħi fiżiċi. Madankollu, fid-dawl tal-istat emozzjonali u mentali tal-imputat, ittieħdet id-deċiżjoni li dan jiġi rikoverat għal ftit jiem fl-Isptar Monte Carmeli sabiex jingħata l-kura meħtieġa.

Meta tressaq quddiem il-Qorti, l-imputat ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih, li kienu jinkludu li hedded u inġurja lil martu kif ukoll li heddidha permezz ta’ network jew apparat ta’ komunikazzjoni. Huwa qal li kien se jibda jiġi segwit minn psikologu u psikjatra sabiex jindirizza l-problemi tiegħu. L-avukat difensur tiegħu, Yanika Barbara, sostniet li l-każ ma kellux jitressaq permezz ta’ arrest u li kellu jiġi ttrattat bħala kwistjoni ta’ saħħa mentali aktar milli ta’ natura kriminali.

Il-Qorti, wara li rat l-ammissjoni tiegħu u ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, ordnat li r-raġel jitpoġġa taħt ordni ta’ trattament u mmultat €50. Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon.