Lokali Qorti

Jibda ġuri dwar droga: Jammetti pussess ta’ kokaina iżda mhux pusses aggravat ta’ Cannabis

Austin Mallia, raġel ta’ 40 sena minn Santa Venera beda għaddej ġuri preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, fuq droga. Huwa qed ikun akkużat bi tliet kapi ta’ akkuża, madankollu waqt li l-ġurati ġew magħżula, ammetta responsabbiltà għat-tielet kap ta’ akkuża li kien jinvolvi pussess personali ta’ droga kokaina.

Madankollu, l-akkużat xorta baqa’ jaffaċja ż-żewġ kapi l-oħra li jinkludu pussess aggravat ta’ Cannabis u l-assoċjazzjoni għall-traffikar tad-droga Cannabis. L-Avukat Ġenerali qed jitlob illi jekk Mallia jinstab ħati, jiġi kkundannat għal sentenza ta’ priġunerija għal għomru.

Il-prosekuzzjoni meta bdiet tispjega dan il-każ qalet li tmien snin ilu Mallia ddeċieda li jassoċja ruħu ma’ persuni oħra biex tiġi importata Cannabis f’Malta għal skop ta’ traffikar. L-operazzjoni tal-Pulizija kienet tissorvelja moviment ta’ individwi suspettużi, fosthom Michele Artale, li rriżulta li wasal Malta bil-katamaran u mar f’appartament fi Ħamrun. Mallia kien identifikat bħala persuna li daħlet fl-istess appartament u li kien involut fil-moviment tal-droga.

Skond l-investigazzjoni, Mallia ngħata struzzjonijiet mingħand Artale biex jiltaqa’ ma’ ċertu Sandro Lo Prest fil-bitħa tal-Fahrenheit f’Ta’ Qali. Mill-filmati tas-sigurtà, deher kif Mallia u Lo Prest ħattew żewġ kaxxi mill-vettura u ħaduhom lejn appartament fi Ħamrun.

Il-Prosekuzzjoni qalet li rriżulta li fil-jum ta’ qabel Michele Artale wasal Malta bil-katamaran u baqa’ sejjer direttament il-Ħamrun deher dieħel fi blokka appartamenti. L-għada l-Pulizija baqgħet tissorvelja lill-Artale u ġiet innotata persuna maskili tieqaf b’vettura.

L-istess persuna ħarġet mill-imsemmija vettura u daħlet fl-istess appartament li kien qed juża Michele Artale. Mill-investigazzjoni rriżulta li dan kien l-akkużat Austin Mallia Allegatment Mallia ngħata struzzjoni mingħand Artale biex imur fil-parkeġġ tal-klabb tal-boċċi ta’ Ħal Lija iżda wara ftit tal-ħin jistenna ngħata struzzjoni oħra, biex imur jiltaqa’ ma’ ċertu Sandro Lo Prest fil-bitħa tal-Fahrenheit biswit l-Ambaxxata Amerikana f’Ta Qali.

Huwa f’dan il-punt li l-Pulizija ddeċidiet li tintervjeni u tissekwestra apparat u pakketti relevanti għall-investigazzjoni. L-analiżi kriminalistika wriet li fost il-pakketti kien hemm madwar 53 kilogramma ħaxixa tal-kannabis b’purità ta’ madwar 11%. Tfittxijiet fuq Mallia rnexxielhom jiskopru wkoll droga kokajina u Cannabis, li skont il-prosekuzzjoni ma kinitx għall-użu personali tiegħu.

Il-każ qed jitmexxa mill-Avukati Godwin Cini, Kevin Valletta u Danika Vella f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-Avukat Joe Giglio qed jidher għall-akkużat.