Lokali Qorti

Kumpens ta’ €37,382.96 fuq ksur tad-drittijiet tas-sid minħabba kirja protetta ta’ €465 fis-sena

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali), preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, sabet li s-soċjetà Regina Auto Dealer Limited sofriet ksur tad-dritt fundamentali tagħha għat-tgawdija paċifika tal-proprjetà tagħha minħabba l-effetti sproporzjonati tal-liġijiet dwar kirjiet protetti. Għaldaqstant ġie deċiż li l-kumpens totali li għandu jitħallas lill-kumpanija għandu jkun fl-ammont ta’ €37,382.96, mill-Avukat tal-Istat.

Il-kawża kienet tikkonċerna maisonette magħrufa bħala “Detroit”, fi Triq il-Wied, l-Imsida, li ilha mikrija b’kirja protetta sa mill-1966 favur Mary Veronica Vella. Minkejja li s-soċjetà xtrat il-proprjetà fl-2009, hija kienet obbligata tkompli ġġedded il-kirja b’kera annwali ta’ €465.87, somma li l-Qorti qieset ferm ’il bogħod mill-valur reali tas-suq.

Il-Qorti qalet li għalkemm il-kontroll tal-kera kellu għan leġittimu ta’ interess pubbliku, speċjalment fil-kuntest storiku tal-akkomodazzjoni soċjali wara l-Gwerra, l-applikazzjoni kontinwa tal-liġi naqset milli żżomm bilanċ ġust bejn id-drittijiet tas-sid u dawk tal-inkwilin. Skont il-provi peritali, il-valur lokatizju tas-suq tal-fond kien jilħaq madwar €7,200 fis-sena, filwaqt li s-sid kien għal snin twal marbut b’kirja simbolika.

Il-Qorti rrikonoxxiet ukoll li l-emendi introdotti bl-Att XXIV tal-2021, li ppermettew żieda fil-kera, ma kellhomx effett retroattiv u għalhekk ma rrimedjawx il-preġudizzju li s-soċjetà sofriet għal snin twal qabel. Filwaqt li ċaħdet l-ilment ibbażat fuq l-Artikolu 37 tal-Kostituzzjoni minħabba l-protezzjoni mogħtija mil-Artikolu 47(9), il-Qorti sabet li kien hemm ksur tal-Ewwel Artikolu tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Il-Qorti qieset, wara li ħadet in konsiderazzjoni l-mod kif il-Qorti Ewopea tad-Drittijiet tal-Bniedem ddeċidiet li għandu jiġi kkalkulat il-kumpens dovut lis-sid fid-deċiżjoni tagħha fl-ismijiet Cauchi kontra Malta, liema eżerċizzju llum qiegħed ukoll jiġi applikat mill-qrati ta’ kompetenza kostituzzjonali, li kumpens pekunjarju fl-ammont ta’ €33,782.96 huwa suffiċjenti, u dan wara li mis-somma ta’ €70,017.88 rappreżentanti l-kirjiet stmati mill-Perit Tekniku Ġudizzjarju li setgħu jiġu pperċepiti mill-kumpanija għall-perijodu bejn il-5 ta’ Ottubru, 2009 u l-1 ta’ Ġunju, 2021.

Is-somma nħadnet li lewwel sar tnaqqis ta’ 30% jew €21,005.36 minħabba l-għan leġittimu u l-interess ġenerali tal-liġi li qiegħda tiġi attakkata, u mbagħad sar tnaqqis ieħor ta’ 20% jew €9,802.50 għaliex mhux neċessarjament il-fond kien se jkun mikri matul il-perijodu kollu tal-allegat ksur u bil-kirjiet kif stmati mill-Perit Tekniku Ġudizzjarju.

Ġie kkulkulat ukoll tnaqqis ta’ €5,427.06 rappreżentanti l-kera perċepita matul il-perijodu kollu kif indikat fis-sentenza. Il-Qorti ikkunsidrat mbagħad li l-kumpens non-pekunjarju għandu jkun fl-ammont ta’
€3,600 bir-rata ta’ €300 fis-sena. Dawn id-danni kemm pekunjarji u dawk mhux pekunjarji, għandhom jitħallsu lis-soċjetà.

Ġie deċiż li l-kumpanija kellha ġġorr piż sproporzjonat u eċċessiv li ma jistax jiġi ġġustifikat fl-isem tal-interess pubbliku. Il-Qorti għalhekk iddikjarat li l-applikazzjoni tal-liġijiet dwar kirjiet protetti fil-każ partikolari kisret id-drittijiet fundamentali tas-sid u ordnat li jingħata kumpens xieraq għad-danni mġarrba. liema ammont deċiż għandu jitħallas lis-soċjetà rikorrenti fi żmien xahar mid-data ta’ din is-sentenza.