L-Awtorità Ġermaniża għall-Kompetizzjoni sabet lill-kumpanija Amazon ħatja ta’ ksur ta’ liġijiet tal-kompetizzjoni kemm Ġermaniżi u kemm Ewropej – u għalhekk immultatha €59 miljun għal abbuż ta’ poter fis-suq.
L-awtorità stqarret li l-‘Fair Pricing Policy’ ta’ Amazon – li tinforza l-prezz massimu b’liema prodott jista’ jkun imbiegħ mill-bejjiegħa fuq il-pjattaforma tagħha – hija kontra l-liġijiet tal-kompetizzjoni peress li Amazon qiegħda tikkompeti ma’ dawk il-bejjiegħa nnifishom.
Fuq il-pjattaforma ta’ Amazon, madwar 60% tal-bejgħ huwa minn utenti tal-pjattaforma, u l-kumplament tal-bejgħ huwa mill-kumpanija Amazon stess.
Minħabba din il-prattika ta’ limiti fuq il-prezzijiet, Amazon instabet li “qiegħda tinfluwenza l-prezzijiet tal-kompetituri tagħha”.
Skont l-awtorità Ġermaniża, il-multa ta’ €59 miljun hija stima fuq kemm ibbenefikat Amazon mill-kontroll tal-prezzijiet tal-bejjiegħa ta’ fuq il-pjattaforma tagħha.
Rappreżentant ta’ Amazon fil-Ġermanja, Rocco Bräuniger, ħabbar li Amazon se tappella d-deċiżjoni tal-awtorità peress li hija bbażata fuq liġijiet Ġermaniżi li “direttament jikkunflittu” ma’ liġijiet Ewropej. Appell kontra deċiżjoni tal-awtorità Ġermaniża għall-kompetizzjoni tkun eventwalment deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja Federali.
Fl-istqarrija tagħha, l-awtorità spjegat li hi wettqet l-investigazzjoni u mhux il-Kummisjoni Ewropea minħabba li t-tip ta’ allegatament abbuż tal-poter ta’ Amazon ma jaqax taħt id-Digital Markets Act tal-Unjoni Ewropea iżda jaqa’ taħt liġi Ġermaniża. Intant, il-Kummisjoni Ewropea ġiet ikkonsultata tul il-proċess ta’ din l-investigazzjoni.
L-Awtorità Ġermaniża għall-Kompetizzjoni timmulta lil Amazon €59 miljun


