Il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Għawdex, preseduta mill-Maġistrat Jean Paul Grech, tat sentenza ta’ libertà kundizzjonata fil-konfront ta’ Rachel Bugeja ta’ 29 sena, wara li ammettiet diversi akkużi relatati ma’ aċċess mhux awtorizzat u użu illeċitu ta’ data ta’ kumpanija fejn kienet impjegata. Il-każ kien jikkonċerna fatti li seħħew fix-xahar ta’ Jannar tal-2025, meta Bugeja kienet taħdem bħala sales person ma’ kumpanija tal-gaming ibbażata Tas-Sliema.
Skont kif irriżulta mill-provi, il-Pulizija kienet irċeviet rapport mingħand ir-rappreżentanti tal-kumpanija nhar il-11 ta’ Frar 2025. Il-kwerelanta spjegat li ftit jiem qabel, Bugeja kienet ġiet offruta pakkett ta’ inċentiv finanzjarju biex tirriżenja mill-impjieg tagħha u kienet infurmata li l-aċċess tagħha għas-sistemi tal-kumpanija kien ser jiġi mblukkat. Minkejja dan, fl-istess jum, il-kumpanija nnotat li Bugeja kienet qed tidħol fis-sistemi u tagħmel download ta’ files li kien fihom informazzjoni sensittiva dwar il-klijenti, din id-darba permezz tat-telefon ċellulari tagħha.
Wara li bagħtet email ta’ riżenja u aċċettat il-kumpens offrut, l-għada Bugeja rritornat il-laptop tax-xogħol. Meta ġiet mistoqsija dwar l-export tad-data, hija qalet li kienet ħassret l-informazzjoni, iżda l-kumpanija ddikjarat li ma setgħetx tkun ċerta jekk dan seħħx fil-fatt. Minħabba t-tħassib li data sensittiva setgħet baqgħet fil-pussess tagħha, il-kumpanija ddeċidiet li tagħmel rapport lill-Pulizija u sussegwentement irtirat il-pakkett finanzjarju li kien ġie miftiehem.
Bugeja wieġbet ħatja għall-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tagħha, li kienu jinkludu l-aċċess mingħajr awtorizzazzjoni għal sistemi informatiċi, il-kopja, l-użu u l-modifika ta’ data, kif ukoll il-ksur ta’ miżuri ta’ sigurtà bl-użu ta’ credentials li ma kinux tagħha. Il-Qorti nnutat li l-ammissjoni kienet waħda bikrija, volontarja u inkondizzjonata, u li l-imputata kellha fedina penali netta u kkolaborat bis-sħiħ mal-investigazzjoni.
Ix-xhieda tal-Ispettur Marcus Cachia kkonfermat li minkejja li l-proċess ta’ export tad-data kien beda, dan twaqqaf mill-imputata stess u li ma nstabet l-ebda data tal-kumpanija fuq apparat tagħha jew maqsuma ma’ terzi. Il-Qorti qieset ukoll il-fatt li l-kumpanija ma sofrietx danni reali u li, anzi, ħelset mill-obbligu li tħallas il-kumpens finanzjarju miftiehem.
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi kollha, il-Qorti ddeċidiet li tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-libertà kundizzjonata u illiberat lil Bugeja bil-kundizzjoni li ma tikkommettix reat ieħor għal perijodu ta’ tliet snin. Il-Maġistrat spjega li jekk matul dan iż-żmien hija tikser il-liġi, tista’ tiġi kkundannata wkoll għar-reati li tagħhom instabet ħatja f’din il-kawża.
Il-Qorti ċaħdet it-talbiet tal-Prosekuzzjoni dwar il-ħlas ta’ danni, l-ispejjeż ta’ esperti u l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra relatati mal-konfiska, wara li kkonkludiet li ma rriżultax li l-kwerelanta sofriet xi dannu.
//= $special ?>

