Lokali Qorti

Nuqqas ta’ provi jwassal biex jiġi lliberat sewwieq f’każ ta’ inċident f’Tas-Sliema

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, illiberat lil Lorenzo Erba minn kull akkuża relatata ma’ inċident tat-traffiku li allegatament seħħ f’Tas-Sliema f’Awwissu tal-2024, wara li sabet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Erba, ta’ 32 sena, residenti Birkirkara, kien mixli li kien qed isuq vettura b’mod negliġenti, imprudenti u perikoluż fi Triq Rue D’Argens, kif ukoll li naqas milli jieqaf fuq is-sinjal “Stop”. Huwa kien akkużat ukoll li kkawża ġrieħi lil raġel li kien qed isuq mutur mikri, u li telaq minn fuq il-post tal-inċident. Il-prosekuzzjoni kienet talbet ukoll li, f’każ ta’ ħtija, jiġi skwalifikat mis-sewqan u jitnaqqsulu l-punti mil-liċenzja.

Il-każ kien ibbażat prinċipalment fuq ix-xhieda tal-vittma allegata, Hodgson Neil Stuart, li qal li waqt li kien qed isuq fi Triq Rue D’Argens, vettura ħarġet minn triq sekondarja mingħajr ma waqfet f’sinjal ta’ “Stop” u laqtitu. Huwa qal li weġġa’ żewġ swaba’ u kiser kustilja, u li s-sewwieq mexxa l-mutur minn nofs it-triq u telaq minn fuq il-post.

Madankollu, meta x-xhud ipprova jressaq ritratti tal-inċident li allegatament ittieħdu minn resident fil-qrib, il-Qorti rrifjutat li taċċettahom bħala prova minħabba li l-persuna li ħadithom ma kinitx preżenti biex tikkonfermahom taħt ġurament. L-akkużat innifsu għażel li ma jixhidx.

Wara li eżaminat il-provi kollha u semgħet is-sottomissjonijiet tal-partijiet, il-Qorti kkonkludiet li kien hemm nuqqas serju ta’ evidenza affidabbli. Il-Maġistrat osservat li, fin-nuqqas tal-aqwa prova disponibbli, il-Qorti ma setgħetx tibni stampa ċara tal-fatti.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti sabet li l-livell ta’ prova meħtieġ f’każ kriminali ma ntlaħaqx u, għalhekk, sabet lil Lorenzo Erba mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih, u lliberatu minn kull ħtija u piena.