Mark A. Sammut Sassi
Jgħiduhielna ta’ sikwit li n-nisa ma jingħatawx possibilità jirnexxu f’did-dinja patrijarkali. Christine Lagarde hi l-prova viventi tal-ħmerijiet kolossali li nisimgħu.
Christine Lagarde
Dil-mara mhux biss hi l-President ta’ bħalissa tal-Bank Ċentrali Ewropew, imma qabel kienet il-Managing Director tal-Fond Monetarju Internazzjonali, u qabel (2005-2011) Ministru responsabbli minn għadd ta’ dikasteri fir-Repubblika Franċiża. U mbagħad jgħidulek li hemm bżonn il-kwota roża fil-Parlament! Lagarde hi l-prova inkonfutabbli li nisa ta’ ħila m’għandhomx bżonn imbuttaturi artifiċjali.
Impressjonajt ruħi nisma’ lil Lagarde hi u titkellem fil-Forum Ekonomiku Dinji, li sar f’Davos, l-Iżvizzra, ftit tal-jiem ilu. Għamlet ħafna punti importanti; l-aktar li laqatni dak dwar il-privacy. Lagarde ġibditilna l-attenzjoni għall-fatt li ċ-Ċiniżi għandhom aktar tolleranza għall-invażjoni tal-privacy personali tagħhom milli għandna aħna fil-Punent. Hi poġġietha b’mod differenti, imma kienet qed tirreferi għall-fatt li ċ-Ċiniżi ma jiddejqux li jkunu taħt ħarset is-CCTV kullimkien, għax għalihom il-viġilanza hi parti mill-proċess li bih jitjiebu għall-Imperatur (jew min hu s-suċċessur tiegħu l-lum).
Lagarde argumentat kif minħabba fil-fatt li ċ-Ċiniżi jaċċettaw li l-privacy tagħhom tkun mirfusa, is-sistema fiċ-Ċina għandha aktar informazzjoni dwar l-individwi u l-għażliet li jagħmlu. Dan jippermetti lill-algoritmi u lill-intelliġenza artifiċjali jbassru aħjar it-trends tax-xiri tan-nies u allura kif se jevolvi s-suq u allura x’għandu jiġi prodott u mibjugħ. Il-konklużjoni: dan kollu liċ-Ċina jagħmilha aktar kompettittiva mill-Ewropa, u l-Ewropa, biex tibqa’ ttellaq fit-tellieqa bejn il-potenzi dinjin, possibilment ikollha taċċetta aktar tolleranza tal-invażjoni tal-privacy tal-individwi.
Id-diskors ta’ Lagarde kien skjett, mingħajr kantunieri. Li jfisser li jekk għandha raġun, se nitilfu aktar mill-jeddijiet li ksibna tul is-snin għall-ħarsien tal-ħajja privata tagħna.
Riflessjonijiet fuq kliem Lagarde
L-ewwel riflessjoni hi waħda ta’ natura politika u legali. Se nkomplu naraw fl-Ewropa (u fil-bqija tal-Punent suppost liberali) aktar CCTVs ma’ kullimkien, aktar intrużjoni bil-mobiles, aktar sorveljanza bil-GPSs, aktar rintraċċar bil-cookies tal-internet, aktar għassa bis-servizzi bankarji online…
It-tieni riflessjoni hi waħda ta’ natura politika u filosofika. Il-liberali tal-Punent ilhom is-snin jippromwovu ċerti ħsibiet.
L-ewwel ħsiba, li f’ordni internazzjonali liberali għandna nittolleraw lir-reġimi li jimxu b’mod illiberali imma huma deċenti; l-akbar proponent tagħha kien il-filosfu Amerikan John Rawls, fil-ktieb tiegħu The Law of Peoples, tal-1999. Rawls kien filosfu Amerikan importanti li ħalla impatt mhux żgħir fuq il-ħsieb politiku tal-Punent. Għal Rawls, reġim ikun deċenti meta jkollu sistema legali li timponi obbligi morali fuq il-persuni kollha fit-territorju tagħha u li tkun u titqies bħala sistema ġusta skont konċezzjoni komuni tajba tal-ġustizzja. Il-verità hi li din hi definizzjoni tant vaga, li b’naqra sforz tista’ ddaħħal lil kulmin trid fiha.
Hu minnu li l-Punent ipprova jissolleċita liċ-Ċina taċċetta aktar l-idea tal-jeddijiet fundamentali tal-bniedem fis-sistema tagħha. Imma l-verità hi li l-Punent falla – iċ-Ċina ftit li xejn għandha entużjażmu għall-jeddijiet tal-bniedem kif mifhumin mill-Punent. U, agħar minn hekk, fil-Punent stess hemm brigata liberali li l-ħin ittanbar, tixher, u twerżaq b’ħanġra daqsiex li l-jeddijiet tal-bniedem esportati mill-Punent fil-bqija tad-dinja huma għamla ġdida ta’ imperjaliżmu.
Meta l-messaġġ ma jkunx magħqud imma jkun miżgħud xquq, min jirċevih ma jeħdux bis-serjetà. Difatti, iċ-Ċina mhix pajjiż bħal tal-Punent, li, tajjeb jew ħażin, huma tempji tal-jeddijiet tal-bniedem. Fiċ-Ċina, il-jeddijiet tal-bniedem huma aljeni.
U allura għax iċ-Ċina ma tħaddanx il-jeddijiet tal-bniedem (inkluż dak tal-privacy), fil-Punent il-jeddijiet tagħna jisfgħu mnawrin.
It-tielet riflessjoni: is-sistema internazzjonali liberali.
Il-bużillis hu li fis-sistema internazzjonali liberali (jiġifieri l-globaliżmu u l-globalizzazzjoni) tant kulħadd hu interkonness ma’ kulħadd li dak li jiġri f’naħa tad-dinja bilfors jolqot naħiet oħrajn. Aħna l-Maltin ngħixu f’pajjiż fih daqs nitfa, u allura dak li jiġri f’Malta kważi dejjem jolqot biss lilna u lil ħadd aktar. Imma dak li jiġri f’pajjiżi kbar jibgħat imwieġ mad-dinja globalizzata kollha.
Hu proprju dan li, meta wieħed jifli kliem Christine Lagarde, wieħed jifhem li qed iseħħ fi żmienna. Il-qagħda mwiegħra tal-jeddijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, u l-mod kif iċ-Ċiniżi jgħixu l-esperjenza mal-awtoritajiet, iwasslu biex fiċ-Ċina l-privacy tal-individwu mhix meqjusa sagra. Konsegwenza ta’ dan, kif qalet Lagarde, hu li ċ-Ċina tifhem is-suq aħjar u allura hi aktar kompettittiva.
Allura, għax iċ-Ċina hi aktar kompettittiva, l-Ewropa trid tipprova tlaħħaq. U se jkollha tagħmel dan billi tikkopja liċ-Ċina u tnawwar mill-jedd tagħna għall-privacy.
Dan ġa qiegħed jiġri. Il-korporazzjonijiet internazzjonali l-kbar tant għandhom saħħa li jafu kull wieħed u waħda minn fejn qegħdin u x’aħna nagħmlu l-ħin kollu. Anki jekk il-mobile tiegħek ikun mitfi, għandhom sistema (bil-qari tal-wifi) li jkunu jafu fejn int. Kulmeta tiġbed il-flus mill-ATM, jafu mhux biss kemm ġbidt imma minn fejn. Jekk ma tużax flus kontanti, bil-credit u d-debit cards jafu fejn kont meta nfaqt flusek. Bil-GPS jafu fejn mort bil-karozza. Għalhekk dawk il-mijiet ta’ satelliti jorbitaw madwar id-dinja. Qed iżommuna l-ħin kollu taħt ħarsithom. Ħajtek tiegħek, imma l-informazzjoni dwarha hi tagħhom.
Dan kollu jnawwar il-jedd tagħna tal-privacy u l-qagħda donnha se tmur għall-agħar. Il-jedd għall-privacy ġie b’riżultat hu wkoll tar-rivoluzzjonijiet borgiżi tal-aħħar żewġ sekli. Ġie mis-sagrifiċċji u mill-għaraq, ma waqax mis-sema. Iżda mis-sema issa qed jittiħdilna. U ma jidhirx li hemm mod kif dat-teħid inwaqqfuh.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ħamis 5 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

