Nicole Zammit
Uffiċjal għar-Riżorsi Umani – MŻPN
Wara snin twal ta’ pressjoni mill-Partit Nazzjonalist fuq il-Gvern biex jerġa’ jinfetaħ l-Isptar tal-Annimali u li kien diġà fetaħ Gvern Nazzjonalista, fil-jiem li għaddew il-Gvern ipprova jraqqa’ l-pannu bil-qara aħmar billi inawgura klinika fil-Fgura.
Skont dak li tħabbar, is-servizz se jkun operattiv mit-tmienja ta’ filgħaxija sat-tmienja ta’ filgħodu, kif ukoll matul il-ġurnata fil-Ħdud u l-festi pubbliċi però, ħafna kliniċi veterinarji jiftħu fid-9am. Allura bejn it-8am u d-9am, emerġenzi veterinarji ma jistgħux jinqalgħu?
Barra minn hekk, klieb li mhumiex iċċippjati mhux se jitħallew jużaw dan is-servizz, lanqas f’każ ta’ emerġenza. Il-loġika tgħid li f’sitwazzjoni ta’ ħajja jew mewt, l-ewwel prijorità għandha tkun is-saħħa tal-annimal.
Jekk ikun hemm ksur tal-Liġi dwar l-iċċippjar, dan jista’ jiġi indirizzat wara, imma m’għandu qatt jiġi miċħud servizz essenzjali lill-annimal innifsu minħabba nuqqas minn sidu. Barra minn hekk, ċertu klieb, bħall-frieħ ta’ ftit ġimgħat, ma jkollhomx ċippa, allura dawn m’għandhomx dritt ta’ dan is-servizz nazzjonali?
Apparti minn hekk kien irrappurtat li ċerti nies ser jirrispondu t-telefonati u jiddeċiedu jekk każ hux verament emerġenza jew le? X’parametri se jintużaw biex jiġi ddeterminat l-istat ta’ emerġenza?
Ħtieġa ta’ trattamenti serji
Għaliex annimal għandu jasal fi stat ta’ emerġenza qabel ma jieħu trattament xieraq? Ma jkunx aħjar li kieku l-annimali jiġu trattati qabel ma jaslu fi stat ta’ emerġenza u din l-emerġenza tiġi evitata?
Jeħtieġ ukoll li niċċaraw li l-klinika tal-Fgura mhix servizz b’xejn. Is-sid irid l-ewwel iħallas bejn €70 u €190, skont il-ħin li fih tinqala’ l-emerġenza, u jingħata ħlas lura biss jekk is-sitwazzjoni tiġi determinata bħala emerġenza vera. Għal darba oħra, min se jiddeċiedi dan u fuq liema kejl?
Ta’ min jinnota wkoll għat-testijiet, trattamenti u mediċini mhux ser jingħataw ħlas lura, lanqas f’każijiet li jiġu determinati bħala emerġenza.
Dan is-servizz se jkun offrut għall-annimali domestiċi kollha jew biss għall-klieb u l-qtates? U għaliex annimali tat-triq (strays) mhumiex eliġibbli għall-ħlas lura?
Fl-aħħar u mhux l-inqas l-annimali li tinqgħalalhom emerġenza fil-gżira Għawdxija x’se jagħamlu? Se jaqbdu l-vapur ta’ Għawdex u jmorru l-Fgura?
Dawn huma mistoqsijiet li nipprettendu li l-Ministru Anton Refalo għandu tweġiba għalihom.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd l-1 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

