Lokali Qorti

Probation għal serq u vandaliżmu fil-Knisja Parrokkjali ta’ Bormla

Raġel ingħata sentenza ta’ probation mill-Qorti wara li ammetta diversi akkużi ta’ serq u ħsara kriminali b’rabta ma’ inċidenti li seħħew fil-Knisja Parrokkjali u Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla. Fl-2017 kienu nsterqu dehbijiet u oġġetti sagri mill-imsemmija knisja, b’valur stmat ta’ madwar €36,000.

Marflene Cricchiola ta’ 38 sena ingħata probation ta’ tliet snin. Minn dak li ħareġ fil-Qorti huwa wettaq is-serqa flimkien ma’ persuna oħra li diġa’ ngħatat sentenza wara li wkoll ammettiet. Il-każ kien jirrigwarda ġrajjiet li seħħew bejn il-lejl tal-21 u t-22 ta’ Lulju tal-2017, meta l-imputat daħal fil-knisja u seraq diversi oġġetti sagri u affarijiet oħra.

Minbarra s-serq, l-imputat instab responsabbli li kkawża ħsarat estensivi lil proprjetà kulturali u li b’mod volontarju qered jew għamel ħsara lil proprjetà mobbli u immobbli, b’danni li jaqbżu t-€2,500. Huwa kien mixli wkoll li għamel ħsara lil monumenti pubbliċi, statwi u xogħlijiet artistiċi li kienu installati fil-knisja.

Il-Qorti nnutat li l-imputat kellu kundanni kriminali preċedenti u li fil-passat kien ukoll naqas milli josserva kundizzjonijiet imposti fuqu meta kien ingħata l-libertà proviżorja. Għal dawn ir-raġunijiet, huwa ġie kklassifikat bħala reċidiv.

Wara li eżaminat l-atti kollha tal-każ, ix-xhieda u d-dokumentazzjoni ppreżentata, il-Qorti qieset il-fatt li l-imputat ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih. Fid-dawl ta’ din l-ammissjoni, ġiet imposta Ordni ta’ Probation għal perjodu ta’ tliet snin.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-imputat isegwi ordni ta’ trattament għal sitt xhur, kif determinat mill-Uffiċjal tal-Probation. Barra minn hekk, ġie ordnat il-konfiska ta’ €200 minn depożitu ta’ €1,000 minħabba ksur ta’ kundizzjonijiet preċedenti tal-libertà proviżorja, filwaqt li l-garanzija personali ta’ €6,000 baqgħet fis-seħħ kollha kemm hi.

F’Lulju li għadda Gianluca Sultana ta’ 27 sena minn Bormla li kien ma’ Cricchiola, ukoll tpoġġa taħt ordni ta’ probation għal tliet snin wara li ammetta li wettaq is-serqa ta’ oġġetti sagri mill-Knisja Kolleġġjata tal-Immakulata Kunċizzjoni.

Cricchiola, ġie wkoll ordnat iħallas nofs l-ispejjeż tal-inkjesta. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, filwaqt li l-imputat kien assistit mill-avukati Franco Debono u Adreana Zammit.