Il-Qorti tal-Maġistrati sabet lil John Camilleri, ta’ 72 sena minn San Pawl il-Baħar, ħati ta’ diversi reati serji ta’ natura sesswali u ta’ fastidju fil-konfront ta’ żewġ nisa, wara li huwa stess ammetta għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.
Skont l-akkużi, Camilleri wettaq sensiela ta’ atti bejn snin u xhur differenti, fosthom f’April tal-2025, li inkludew atti ta’ natura sesswali mingħajr il-kunsens tal-vittmi ta’ nazzjonalità barranija, kif ukoll arrest u żammhom kontra r-rieda tagħhom.
Huwa ġie akkużat ukoll li fastidjahom b’mod persistenti, inkluż permezz ta’ mġiba u komunikazzjoni b’konnotazzjoni sesswali, u li kkawżalhom biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontrihom. Barra minn hekk, il-Qorti sabet li uża b’mod mhux xieraq mezzi ta’ komunikazzjoni elettronika.
Fil-proċeduri, Camilleri kkonferma l-ammissjoni tiegħu wara li ngħata l-ħin jikkonsulta mal-avukat tiegħu u ġie mwissi bil-konsegwenzi serji li setgħu jirriżultaw, inkluż piena massima ta’ 14-il sena ħabs. Il-Qorti semgħet ukoll rapport pre-sentencing imħejji mill-Uffiċjal tal-Probation, li wera li minkejja li l-imputat għandu ħajja relattivament stabbli u kooperattiva mal-awtoritajiet, huwa ma wera l-ebda rimors għal dak li għamel u għandu bżonn għajnuna professjonali biex jindirizza l-problemi tiegħu ta’ natura sesswali.
Il-Qorti qieset ukoll li Camilleri kellu kundanni preċedenti, għalkemm mhux riċenti, u li ftit xhur qabel kien diġà nstab ħati ta’ reati oħra relatati ma’ fastidju, ħsara u ksur ta’ ordnijiet tal-Qorti. Minkejja dan kollu, kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll id-difiża qablu li piena ta’ ħabs effettiva ma kinitx l-aħjar soluzzjoni f’dan l-istadju, peress li l-għan ewlieni għandu jkun li ma jerġgħux jirrepetu ruħhom dawn l-atti.
Għalhekk, il-Qorti ddeċidiet li timponi Ordni ta’ Probation għal perjodu ta’ tliet snin, b’kundizzjonijiet stretti, fosthom li Camilleri jsegwi trattament u programmi speċjalizzati relatati mal-imġiba tiegħu. Barra minn hekk, ħarġet ukoll Ordni ta’ Trażżin għal tliet snin biex tipprovdi għas-sigurtà tal-vittmi.
Il-Maġistrat wissiet lill-ħati li jekk jikser xi waħda mill-kundizzjonijiet tal-probation jew jikkommetti reat ieħor matul dan il-perjodu, ikun jista’ jerġa’ jiġi kkundannat u jbati konsegwenzi aktar serji. Camilleri esprima r-rieda tiegħu li jikkonforma mal-ordnijiet imposti fuqu.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Warren Galea u Ryan Vella.
//= $special ?>

