Lokali Qorti

Raġel meħlus minn akkużi ta’ sewqan perikoluż wara kontradizzjoni fid-data tal-inċident

Raġel ġie meħlus minn kull akkuża wara li l-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, qieset li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ lil hinn minn kull dubbju raġonevoli minħabba kontradizzjoni serja dwar id-data tal-allegat inċident tat-traffiku.

Evan Camilleri Testa kien akkużat li fl-20 ta’ Awwissu 2023, għall-ħabta tal-5.00pm fi Triq l-Imdina, Attard, saq vettura Peugeot b’manjiera traskurata, bla kont u perikoluża, kif ukoll li naqas milli josserva sinjal ta’ “Give Way”, u li b’konsegwenza ta’ dan ikkawża li Anthony Darmanin isofri offiża gravi fuq il-persuna tiegħu.

Il-prosekuzzjoni talbet ukoll li l-imputat jiġi skwalifikat mil-liċenzja tas-sewqan u li jitnaqqsulu l-punti skont il-liġi. Matul il-proċeduri, il-Qorti semgħet ix-xhieda tal-vittma, Anthony Darmanin, li qal li kien involut f’inċident waqt li kien qed isuq mutur u li nħabat miegħu vettura minn wara, u spiċċa mal-art.

Hu spjega li kien diġà daħal fir-roundabout u kien dieħel lejn Ħaż-Żebbuġ meta ntlaqat minn vettura li kienet ġejja min-naħa ta’ Ħal Lija jew Attard, u li kienet qed issuq b’ċerta veloċità. Ix-xhud indika lill-imputat fl-awla bħala s-sewwieq tal-vettura li laqtitu.

Madankollu, meta mistoqsi dwar id-data tal-inċident, Darmanin qal li dan seħħ fis-7 ta’ Awwissu 2022, u saħansitra rrimarka li kienu għaddew tliet snin minn meta ġara l-inċident. Dan kien f’kuntrast dirett mal-akkużi mressqa mill-Pulizija, li kienu jindikaw li l-inċident seħħ fl-20 ta’ Awwissu 2023.

Il-Qorti nnutat din id-diskrepanza fundamentali bejn id-data msemmija mill-vittma u dik indikata fl-att ta’ akkuża, u qieset li tali kontradizzjoni tolqot il-qalba tal-każ. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tilħaq il-livell ta’ prova rikjest fil-liġi kriminali, jiġifieri prova lil hinn minn kull dubbju raġonevoli.

Għaldaqstant, il-Qorti sabet lil Evan Camilleri Testa mhux ħati tal-akkużi kollha miġjuba fil-konfront tiegħu u lliberatu minn kull ħtija u piena.