Knisja Lokali

Saċerdot ġdid

Rev. Jesmond Schembri


Il-Knisja f’Malta se jkollha saċerdot ġdid nhar il-Ħadd 8 ta’ Frar 2026. L-Eżarka tal-Griegi Kattoliċi tal-Greċja, Mons. Manuel Nin O.S.B., fil-preżenza tal-Arċisqof Charles Scicluna, se jordna saċerdot lir-Rev. Jesmond Schembri, djaknu tal-Parroċċa Griega-Kattolika Sidtna Marija ta’ Damasku, il-Belt Valletta. Il-quddiesa tal-ordinazzjoni se ssir fil-Knisja ta’ San Nikola ta’ Mira (Tal-Erwieħ) fil-Belt Valletta fid-9:30am.

Rev. Jesmond Schembri għandu 59 sena, hu mis-Siġġiewi u jgħix il-Mosta. Bħalissa hu d-Direttur tal-Kummissjoni Migranti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. Hu gradwat fil-ħidma soċjali u għadda l-biċċa l-kbira ta’ ħajtu jaħdem f’dan is-settur. Bejn l-2012 u l-2022 studja t-Teoloġija fl-Università ta’ Malta minn fejn kiseb Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali.

It-tama tiegħu hi li bħala saċerdot ikun jista’ jwassal il-ħniena t’Alla, speċjalment permezz tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.