Quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ żewġ irġiel ta’ nazzjonalità Taljana li qed jiġu akkużati b’reati serji relatati mat-traffikar tad-droga, ħasil ta’ flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.
L-akkużati huma Giorgio Gafà, ta’ 28 sena, u Alessio Guastelluccia, ta’ 29 sena. F’dan il-każ hemm involut ukoll Samuele Pernicone, ta’ 35 sena, iżda l-proċeduri fil-konfront tiegħu qed jinstemgħu separatament. Quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici, spettur mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga spjega li l-pulizija kienet ilha għal xi żmien tosserva grupp suspettat li kien involut fit-traffikar tad-droga u fil-ħasil ta’ flus.
Huwa qal li fis-26 ta’ Jannar, il-pulizija rat lil Giorgio Gafà dieħel u ħiereġ minn diversi residenzi b’kaxxa kbira tal-FedEx, b’mod partikolari minn appartament fis-Swieqi. L-istess spettur xehed li aktar tard Gafà deher ħiereġ minn dak l-appartament flimkien ma’ Alessio Guastelluccia. Meta l-pulizija waqqfithom għal spezzjoni, fil-vettura nstabu żewġ boroz ta’ kannabis grass, filwaqt li fil-bagoll instabet borża kbira li fiha kien hemm ammont sostanzjali ta’ sachets suspettati kokaina.
Kompla jgħid li saru diversi tfittxijiet f’residenzi, vetturi u anke f’garaxxijiet marbuta mal-akkużati. Waqt dawn it-tfittxijiet, il-pulizija sabet kaxxa kbira li allegatament kien fiha kilogrammi ta’ droga. Fost is-sejbiet kien hemm ukoll ammont kbir ta’ flus kontanti, inkluż bagalja li kien fiha €386,715 fi flus kontanti.
L-ispettur spjega wkoll li nstabet aktar droga suspettata kokaina, kif ukoll raża u ħaxixa tal-kannabis. Minbarra dan, il-pulizija sabet diversi oġġetti ta’ valur, fosthom ħwejjeġ, ġojjelli u arloġġi tad-ditta Rolex. Ġie kkonfermat ukoll li fil-mutur ta’ Giorgio Gafà nstabet arma tan-nar.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Mark Mercieca u John Leigh Howard, flimkien mal-Avukat Nadia Ciappara f’isem l-Avukat Ġenerali. Id-difiża tal-akkużati qed titmexxa mill-Avukati Franco Debono, Andreana Zammit u Marion Camilleri.
//= $special ?>

