Lokali

Appell minn Repubblika dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef

In-nuqqas ta’ qbil fuq il-ħatra ta’ Prim Imħallef li ħarġet fil-beraħ fl-aħħar jiem mhix ħaġa ġdida. Dehret ukoll fl-għażla tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, żewġ karigi kostituzzjonali oħra fejn hi meħtieġa l-approvazzjoni ta’ mill-anqas żewġ terzi tad-Deputati Parlamentari. F’dawk iż-żewġ każijiet, in-nuqqas ta’ qbil fuq il-kandidati mhux biss tawwal iż-żmien biex saru l-ħatriet, iżda fil-każ tal-kariga ta’ Kummissarju għall-Istandards wassal għal tibdil fil-proċedura tal-ħatra u t-tneħħija tal-maġġoranza ta’ żewġ terzi.  

Irridu nfakkru dak li messu ovvju. Il-ħtieġa ta’ maġġoranza ta’ żewġ terzi f’vot parlamentari għal dawn il-ħatriet qegħda hemm għax dawn mhumiex pożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-gvern tal-ġurnata u allura m’għandux ikun il-gvern tal-ġurnata li jimlihom.

Id-dewmien biex jimtlew karigi kostituzzjonali indipendenti, id-dgħajfien ta’ mekkaniżmi maħsubin biex inisslu fiduċja fl-indipendenza, l-effiċjenza u l-integrità tal-persuna li tinħatar, u diskors pubbliku maħsub biex imaqdar il-pożizzjoni u l-motivi ta’ naħa jew oħra jnawru l-fiduċja ta’ bosta nies fil-politika u l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna.

Jidher ċar li tliet fatturi qegħdin ifixklu l-ħatriet f’karigi kostituzzjonali indipendenti.

1. Il-kuntatt bejn Gvern u Oppożizzjoni ġeneralment isir meta min jokkupa l-kariga ikun wasal biex jispiċċa. Il-ħtieġa urġenti li jinstab kandidat li jgawdi l-fiduċja taż-żewġ naħat tal-Parlament ma tgħinx biex jinħoloq spirtu ta’ kalma, fiduċja reċiproka fir-rieda tajba taż-żewġ naħat, u kortesija bażika.

2. Il-konsultazzjoni ssir mill-ewwel bejn il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, meta t-tnejn ikunu taħt pressjoni biex tittieħed deċiżjoni fuq il-kandidat. Jekk ma jaqblux, il-proċedura tal-ħatra teħel minnufih.

3. Jidher li rari jkun hemm konsultazzjoni diskreta ma’ esperti fl-oqsma kkonċernati jew ma’ min ikun qiegħed jaqdi l-funzjoni – ta’ Prim Imħallef, ta’ Ombudsman, ta’ Chairman ta’ Kummissjoni jew awtorità kostituzzjonali, eċċ – qabel ma’ jittieħdu pożizzjonijiet formali fuq il-kandidat jew kandidati. Dan iżid ir-riskju li l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jaqblux fuq l-għażla u, kif ġara, jiżżeffnu fil-pubbliku l-ismijiet u r-reputazzjoni tal-kandidati prospettivi.  

Fil-każ tal-ħatra ta’ Prim Imħallef, Repubblika ħeġġet li ssir konsultazzjoni mal-ġudikanti, kif fuq kollox il-gvern wiegħed lill-Kummissjoni Ewropea li se jagħmel. Dan il-prinċipju jista’ japplika għall-karigi kostituzzjonali indipendenti kollha kemm huma.

F’bosta pajjiżi, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-Commonwealth, il-proċeduri ta’ konsultazzjoni huma maħsubin biex joħolqu klima ta’ ko-operazzjoni bejn Gvern u Oppożizzjoni, ta’ fiduċja u rispett għall-ħila u l-integrità ta’ min jinħatar, u sens qawwi tal-kontinwità u l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet statali, lil hinn mill-kompetizzjoni politika bejn partiti u mexxejja.

Il-konsultazzjoni tibda kmieni, bogħod mill-għajn u informalment; titmexxa minn uffiċjali amministrattivi ta’ esperjenza u integrità, bil-għan li l-Kap tal-Gvern isir jaf min huma dawk il-kandidati prospettivi li l-aktar igawdu l-istima u l-fiduċja meħtieġa għall-kariga. Imbagħad, jistgħu jseħħu l-konsultazzjonijiet jew negozjati formali li titlob il-kostituzzjoni. Il-konsultazzjoni ma tkunx ristretta għal isem wieħed biss, imma għal shortlist ta’ tlieta jew aktar. B’hekk il-kandidati ma jġorrux it-tikketta ‘tal-Gvern’ jew ‘tal-Oppożizzjoni’, kif qiegħed jigri f’Malta, u min jintgħażel ikun tabilħaqq ‘consensus candidate’ u mhux ‘compromise candidate’. B’hekk ukoll, jiġi evitat ir-riskju jew li l-ħatriet isiru ballun politiku jew li jiskadi ż-żmien ta’ min jokkupa l-kariga.

Nesprimu tħassib meta nisimgħu lill-Prim Ministru jgħid li jrid li jiddaħħal mekkaniżmu li jintuża meta ż-żewġ naħat tal-Parlament ma jaqblux fuq ħatra. Mhux għax m’għandux ikun hemm soluzzjonijiet prattiċi, imma għax fil-każ tal-Kummissarju għall-Istandards is-soluzzjoni tal-gvern kienet “Jekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx mal-Gvern, il-Gvern jagħżel waħdu”. Dak il-metodu jġib fix-xejn l-għan kollu li jkollna metodi ta’ ħatra li jkunu indipendenti mill-gvern.

Hemm ħafna soluzzjonijiet għal dawn il-ħatriet li jintużaw f’demokraziji oħrajn u li nistgħu nitgħallmu mingħandhom. Insemmu bħala eżempji:

1. Il-Prim Imħallef jintagħżel minn u minn fost l-imħallfin u l-maġistrati;

2. L-Avukat Ġenerali u d-Deputat Avukat Ġenerali jintagħżlu mill-Kumitat għall-Ħatriet Ġudizzjarji li llum jagħżel l-Imħallfin u l-Maġistrati;

3. Nies li jokkupaw karigi Parlamentari oħra jintagħżlu minn kumitat permanenti tal-Parlament magħmul minn numru indaqs ta’ Deputati tal-gvern u tal-oppożizzjoni, u f’każ remot ta’ deadlock f’dik iċ-ċirkostanza, l-għażla ssir mill-President wara konsultazzjoni mal-uffiċjal ikkonċernat uxxenti.

M’hemmx dubju li jista’ jkun hemm soluzzjonijiet oħrajn li jaqtgħu d-dewmien u jgħollu l-kwalità imbarazzanti tad-dibattitu politiku li qed ikollna meta niġu għal ħatriet bħal dawn mingħajr ma jkollna għalfejn immorru lura għal sistemi kolonjali fejn il-Prim Ministru jagħżel waħdu lill-uffiċjali kostituzzjonali li suppost jgħassu fuqu. Ngħidu dan waqt li nesprimu apprezzament għall-interventi meqjusa tal-President f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Nixtiequ nagħmlu rimarka addizjonali. Fid-diskors tiegħu fil-Parlament mal-vot dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef, il-Prim Ministru akkuża lil Repubblika li bblukkat il-ħatra tal-persuna li għażel hu għal dik il-pożizzjoni. Repubblika qatt m’esprimiet fehma fuq l-għażla, la f’dan il-każ u lanqas f’ebda ħatra oħra. M’għandna ebda pretensjonijiet f’dan ir-rigward. Iżda għandna kull dritt u dmir bħala ċittadini li nitkellmu pubblikament dwar il-proċess tal-ħatra, fl-interess tad-demokrazija u l-governanza tajba ta’ Malta, u għall-ġid ta’ kull min jgħix f’pajjiżna.