L-inċertezza dwar il-futur ta’ Cristiano Ronaldo fis-Saudi Pro League qed tkompli tikber, hekk kif l -attakkant internazzjonali tħalla barra mill-iskwadra ta’ Al-Nassr għat-tieni partita konsekuttiva kontra Al-Ittihad, minkejja li hu jinsab b’saħħtu u qed jitħarreġ mat-tim.
Huwa kien diġà tilef ukoll il-partita kontra Al-Riyadh, u issa qed jiżdiedu d-dubji dwar jekk hux se jibqa’ fit-tul ma’ dan il-klabb.
Skont rapporti mill-midja Portugiża, il-plejer internazzjonali jinsab irrabjat bil-mod kif qed jitmexxa l-klabb mill-Fond t’Investiment Pubbliku tal-Arabja Sawdija u b’dak li jqis bħala nuqqas ta’ investiment meta mqabbel mar-rivali tagħhom.
Cristiano Ronaldo saħaq li t-timijiet oħra qed jingħataw aktar appoġġ finanzjarju, u għalhekk allegatament għażel li ma jilgħabx bħala sinjal ta’ protesta.
Min-naħa tagħhom, id-diriġenti tal-kampjonat u l-entitajiet li jmexxu l-proġett sportiv fl-Arabja Sawdija, inkluż il-Fond t’Investiment Pubbliku tal-Arabja Sawdija, qed jaraw din is-sitwazzjoni bħala waħda li tista’ tagħti stampa negattiva lil dan il-kampjonat, u bagħtu messaġġ ċar li ħadd mhu akbar mill-klabb.
Wieħed mill-punti li jidher li ukoll żied it-tensjoni kien propju t-trasferiment ta’ Karim Benzema għal ma’ Al-Hilal.
L-eks sieħeb ta’ Ronaldo ma’ Real Madrid kellu bidu mill-aqwa, hekk kif skorja hat-trick fid-debutt
f’rebħa b’saħħitha ta’ 6-0 kontra Al Akhdoud.
Fl-istess ħin, ħarġu wkoll rapporti li dan il-ftehim ma sarx direttament mill-PIF, iżda permezz ta’
investituri privati.
Sadanittant, sorsi internazzjonali rrapurtaw li r-ritorn ta’ Ronaldo fuq il-pitch huwa mixtieq kemm mill-partitarji lokali kif ukoll minn dawk li jsegwu dan l-kampjonat minn madwar id-dinja, speċjalment hekk kif il-klabb għandu impenji importanti u jinsabu fit-tieni post tal-klassifika.
Fl-aħħar partita tagħhom li saret ilbieraħ, Al-Nassr għelbu lil Al-Ittihad bl-iskor ta’ 2-0.
Ronaldo ngħaqad ma’ Al-Nassr fl-2022, wara li telaq minn Manchester United f’Diċembru ta’
dik is-sena, u rebaħ l-Arab Club Champions Cup.
L-attakkant Portugiż, għalaq 41 sena, il-Ħamis li għadda u fadallu 18-il xahar fuq il-kuntratt tiegħu
ma’Al Nassr, li ffirma f’Ġunju li għadda.
Intant, fil-kuntratt ta’ Cristiano Ronaldo hemm klawsola ta’ €50 miljun li tista’ tiġi attivata fis-sajf.
Cristiano Ronaldo jitħalla barra mill-iskawdra ta’ Al-Nassr għat-tieni partita konsekuttiva


