Il-Kanada u Franza, fl-aħħar sigħat, fetħu l-konsulati diplomatiċi f’Nuuk, fil-kapitali ta’ Greenland.
Dan bħala pass importanti li jirrifletti appoġġ kontinwu għad-Danimarka, alleat tan-NATO u li hi responsabbli mill-politika tad-difiża ta’ Greenland…Il-gżira enormi li tinsab fir-reġjun tal-Artiku u li l-Istati Uniti trid, akkost ta’ kollox, tieħu l-kontroll tagħha bħala estensjoni tal-artijiet Amerikani.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kanada, Anita Anand, ivvjaġġat lejn Nuuk biex tinawgura l-konsulat bħala parti mit-tisħiħ ta’ kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fl-inizjattivi li, fost oħrajn, jindirizzaw il-kriżi tal-klima u r-rispett għas-sovranità tal-Istati.
Dan ukoll. waqt li l-Franċiż Jean-Noel Poirier assuma l-kariga ta’ konslu ġenerali f’Nuuk; bi Franza, b’hekk, issir l-ewwel pajjiż Ewropew li ħa dan il-pass diplomatiku b’mod uffiċjali.
Il-Kanada, sadanittant, kienet wiegħdet biex tiftaħ konsulat fi Greenland fl-2024 – u qabel il-President Amerikan Donald Trump kien beda jinsisti li jieħu l-kontroll ‘bi dritt’ ta’ din il-gżira.
It-Tmexxija Kanadiża, illum, stqarret li qed taħdem mill-qrib mar-Renju tad-Danimarka biex, flimkien, isaħħu l-istabbilita’, s-sigurta’ u l-kooperazzjoni madwar ir-reġjun li jinkludi Greenland.
F’Jannar li għadda, Donald Trump, ħabbar li kellu jimponi tariffi ġodda fuq id-Danimarka u seba’ pajjiżi oħra Ewropej li opponewlu l-jeddijiet għal Greenland — iżda Trump hesrem waqqaf it-theddid tiegħu wara li qal li kien hemm ftehim, bl-għajnuna tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Mark Rutte, għal qafas li fuqu jista’ jinstab ftehim dwar it-territorju.
//= $special ?>

