Lokali Qorti

Ħlas ta’ €8.3 miljun f’VAT fil-konfront ta’ kumpanija li għamlet xogħol għal Vitals u li bdiet proċeduri kontra Steward Health Care

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, ċaħdet il-kawża mressqa mis-soċjetà Shapoorji Pallonji (Malta) Limited kontra l-Kummissarju tat-Taxxi, u kkonfermat li l-avviż maħruġ skont l-artikolu 59 tal-Kapitolu 406 jikkostitwixxi titolu eżekuttiv validu.

Il-kawża kienet tikkonċerna avviż maħruġ mill-Kummissarju tat-Taxxi fis-16 ta’ Frar 2021, li bih ġie mitlub il-ħlas ta’ €8,394,294.94 rappreżentanti VAT, penali u imgħax għall-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2015 u l-1 ta’ Awwissu 2020. Shapoorji kienet qed titlob li dan l-avviż jiġi ddikjarat null u invalidu, u li ma jikkostitwixxix titolu eżekuttiv fil-konfront tagħha.

Il-Qorti fakkret li Shapoorji Pallonji (Malta) Limited hija sussidjarja ta’ grupp internazzjonali stabbilit f’Dubaj u li ġiet inkorporata f’Malta fl-2016 sabiex teżegwixxi xogħlijiet ta’ disinn u kostruzzjoni relatati mal-proġett tal-isptarijiet pubbliċi ta’ San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, skont ftehim iffirmat ma’ Vitals Global Healthcare Management Limited.

Skont il-kumpanija, dan il-ftehim ġie tterminat unilateralment wara li Steward Health Care ħadet il-kontroll ta’ Vitals, u dan wassal għal tilwima separata li għadha pendenti barra mill-Qorti. Bejn l-2017 u l-2018, Shapoorji ħarġet 12-il “Request for Payment” lil Vitals, fosthom fattura inizjali ta’ €25 miljun li, skont il-kumpanija, kienet tirrappreżenta security deposit u mhux ħlas għal servizzi.

Shapoorji sostniet li ħafna mill-ammonti mitluba fl-avviż tal-Kummissarju ma kinux dovuti, peress li kienu jinkludu depożiti, ‘delay charges’ u xogħlijiet li l-VAT tagħhom, skont tagħha, diġà tħallas mis-subappaltaturi.

Il-punt ċentrali tal-kawża kien jekk il-Kummissarju tat-Taxxi setax joħroġ avviż skont l-artikolu 59 mingħajr ma jkun qabel ħareġ u nnotifika stima jew stima proviżorja skont l-artikoli 31 jew 32 tal-istess liġi. Shapoorji argumentat li n-nuqqas ta’ stima jagħmel l-avviż irregolari u li l-Kummissarju naqas milli jeżerċita d-diskrezzjoni tiegħu b’mod raġonevoli.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tat-Taxxi sostna li fil-fatt kienet inħarġet stima skont l-artikolu 32 fid-26 ta’ Awwissu 2020, iżda din ma ġietx irċevuta mis-soċjetà peress li ntbagħtet fl-aħħar indirizz magħruf tagħha u ġiet ritornata bħala “unclaimed”. Konsegwentement, l-istima ġiet innotifikata permezz ta’ pubblikazzjoni fil-Gazzetta tal-Gvern u f’gazzetta ta’ kuljum, skont il-proċedura prevista fl-artikolu 73 tal-Kapitolu 406.

Il-Kummissarju rrileva wkoll li Shapoorji qatt ma ppreżentat appell kontra din l-istima quddiem it-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva, minkejja li kellha dritt tagħmel dan. Fil-kunsiderazzjonijiet tagħha, il-Qorti għamlet distinzjoni ċara bejn każijiet fejn l-avviż ta’ ħlas ikun ibbażat fuq denunzja sottomessa mill-persuna taxxabbli stess, u każijiet fejn il-Kummissarju ma jaċċettax id-denunzja u jikkalkula hu t-taxxa dovuta.

F’dawn l-aħħar każijiet, il-liġi tipprovdi b’mod ċar il-proċedura ta’ stima u l-mekkaniżmu ta’ appell quddiem it-Tribunal kompetenti. Il-Qorti osservat li, f’dan il-każ, l-istima kienet effettivament inħarġet u nnotifikata skont il-liġi, u li n-nuqqas ta’ appell minn Shapoorji wassal biex l-ammont stmat sar finali u definittiv. Konsegwentement, il-Kummissarju kien intitolat jipproċedi għall-ħruġ tal-avviż skont l-artikolu 59 u biex jesiġi l-ħlas tal-ammont dovut.

Fir-rigward tal-argumenti ta’ Shapoorji dwar żbalji fil-kalkoli u dwar jekk ċerti ammonti kinux effettivament taxxabbli, il-Qorti ddikjarat li dawn huma kwistjonijiet sostantivi li jaqgħu taħt il-kompetenza esklussiva tat-Tribunal tar-Reviżjoni Amministrattiva u mhux tagħha. Għalhekk, il-Qorti rrifjutat li tidħol fil-mertu ta’ dawn il-punti.

Fid-dawl ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha ta’ Shapoorji Pallonji (Malta) Limited, ikkonfermat il-validità tal-avviż ta’ €8.3 miljun u ddikjarat li dan jikkostitwixxi titolu eżekuttiv validu fil-konfront tas-soċjetà, bl-ispejjeż kontra l-istess kumpanija.