Lokali

Il-funeral ta’ Oliwia Wojnowska se jsir għada fis-13:00 fil-Knisja ta’ Santa Marija Maddalena f’Łazy

Il-funeral ta’ Oliwia Wojnowska, it-tifla ta’ 13-il sena li tilfet ħajjitha b’mod traġiku waqt vaganza f’pajjiżna, se jsir għada fis-13:00 fil-Knisja ta’ Santa Marija Maddalena, f’Lazy, fil-Polonja.

Il-katavru ta’ Wojnowska ttella’ lejn il-moll tal-Marfa permezz ta’ lanċa tal-AFM wara tlett ijiem ta’ tfittxija intensiva mill-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta. Dan wara li kien ġie lokalizzat mill-għaddasa, f’qiegħ il-baħar fiċ-Ċirkewwa, wara li dawn tħallew jinżlu jfittxu.

Il-Pulizija stess ikkonfermaw fi stqarrija li l-katavru tat-tifla instab maqbud mal-blat fil-qiegħ tal-baħar.

lt-tifla Pollakka kienet fuq btala f’Malta flimkien ma’ missierha u ħuha ta’ 17-il sena, li fil-ħin tal-inċident tkaxkar ukoll bil-mewġ, però b’xorti tajba kien salvat minn missieru.

Din it-traġedja ħasdet lill-poplu Malti kollu u kienet spiċċat anke fuq il-ġurnali internazzjonali.