Il-Gvern li sena ilu daħħal avviż legali għall-Equal Pay for Equal Work qed ikun hu stess li qed jiddiskrimina mal-ħaddiema tiegħu. Mal-20,000 ħaddiem tal-gvern mhux se jkunu qed jibbenefikaw minn allowance li se tingħata lil ħaddiema li ilhom numru ta’ snin jaħdmu maċ-Ċivil. U dan għaliex jaħdmu f’aġenziji tal-gvern, kumpaniji tal-Istat, ma’ regolaturi u awtoritajiet – u mhux direttament fil-ministeri jew id-dipartimenti tal-gvern.
Diskriminazzjoni ta’ dan it-tip mhix aċċettabbli u tmur kontra l-prinċipju tal-ġustizzja li għandu jiggwida kull politika tal-gvern.
Din id-diskriminazzjoni se teffettwa lil ħaddiema mifruxa fuq is-settur pubbliku kollu, fost l-oħrajn ħaddiema tal-Enemalta, tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, tal-Wasteserv, ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, fl-edukazzjoni u aktar. Ħaddiema li kollha jiddedikaw il-karrieri tagħhom biex jaqdu lill-pubbliku u jiżguraw li s-servizzi essenzjali jibqgħu jiffunzjonaw bla xkiel.
Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jikkoreġi din l-inġustizzja immedjatament u jiżgura li kwalunkwe allowance għas-servizz fit-tul tkun tassew inklużiva, u tirrifletti l-impenn u s-sagrifiċċji ta’ dawk kollha li jaħdmu bla waqfien fis-settur pubbliku usa’.
Il-Partit Nazzjonalista ma jagħżilx bejn ħaddiem u ieħor.
Gvern Nazzjonalista l-benefiċċji jagħtihom lill-ħaddiema kollha bla diskriminazzjon
Dan intqal fi stqarrija minn Adrian Delia ix-Shadow Minister għall-Finanzi, Jerome Caruana Cilia ix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Ivan Castillo ix-Shadow Miniser għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni.
//= $special ?>

