Lokali Qorti

Il-Qorti Kostituzzjonali tiċħad rikors ta’ raġel mixli bi traffikar ta’ droga li jgħaddi ġuri mingħajr ġurati

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, fil-kompetenza kostituzzjonali tagħha u preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, ċaħdet rikors imressaq minn Kevin Sammut li fih allega ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu wara li l-Qorti Kriminali rrifjutat li tagħtih l-għażla li l-ġuri tiegħu jinstema’ mingħajr ġurati.

Il-Qorti laqgħet ukoll l-eċċezzjoni preliminari mqajma mid-Direttur tal-Qrati u t-Tribunali Kriminali u ddikjaratu bħala mhux leġittimu kontradittur, u għaldaqstant ħelsitu minn kull responsabbiltà fil-kawża, billi r-rwol tiegħu huwa wieħed purament amministrattiv u organizzattiv u dejjem marbut ma’ dak li jkun ordnat mill-Qorti Kriminali.

Il-kawża toriġina minn proċeduri kriminali pendenti kontra Sammut quddiem il-Qorti Kriminali, fejn huwa mixli b’reati ta’ traffikar ta’ droga skont il-Kapitolu 101 tal-Liġijiet ta’ Malta, li għalihom il-prosekuzzjoni qed titlob il-piena ta’ priġunerija għal għomru. Il-ġuri tiegħu kien oriġinarjament appuntat għal Ottubru 2025 u aktar tard differit għal Frar 2026.

Wara li f’Marzu 2025 daħal fis-seħħ l-Att VII tal-2025, li emenda l-Artikolu 436(6) tal-Kodiċi Kriminali u daħħal l-għażla li anke f’każijiet ta’ reati serji persuna akkużata tista’ tagħżel li l-kawża tinstema’ mingħajr ġurati, Sammut ippreżenta nota biex jeżerċita din l-għażla.

Madankollu, il-Qorti Kriminali trattat din l-għażla bħala talba u rrevokatha, billi qieset li l-emenda fil-liġi ma kinitx applikabbli għalih peress li l-avviż tal-ġuri kien ingħata qabel id-dħul fis-seħħ tal-Att u l-liġi ma kinitx tinkludi dispożizzjonijiet tranżitorji.

Fir-rikors kostituzzjonali tiegħu, Sammut sostna li din iċ-ċaħda kienet leżiva tad-dritt tiegħu għal smigħ xieraq u għall-protezzjoni tal-liġi taħt l-Artikolu 39 tal-Kostituzzjoni u l-Artikoli 6, 7 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Argumenta li l-emenda hija ta’ natura proċedurali u, skont il-prinċipji tad-dritt transitorju u l-ġurisprudenza, kellha tapplika immedjatament anke għal kawżi pendenti. Sostna wkoll li l-fatt li ma kienx hemm dispożizzjoni tranżitorja ma setax jintuża biex jiġi miċħud minn dritt proċesswali li ġie introdott favur l-akkużati u fl-interess tal-ordni pubbliku.

Il-Qorti, wara li eżaminat fid-dettall is-sottomissjonijiet tal-partijiet u l-ġurisprudenza rilevanti, waslet għall-konklużjoni li Sammut ma sofra ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu. Hija enfasizzat li s-sistema tal-ġuri quddiem ġurati hija waħda konformi mad-dritt għal smigħ xieraq u li dan id-dritt ma jinkludix, fih innifsu, garanzija kostituzzjonali li l-akkużat jista’ jagħżel il-kompożizzjoni tat-tribunal li jiddeċiedi l-każ tiegħu.

Il-Qorti qablet ukoll mal-pożizzjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Avukat tal-Istat li l-applikazzjoni jew le tal-proviso introdott bl-Att VII tal-2025 kienet kwistjoni ta’ interpretazzjoni tal-liġi li kienet diġà deċiża mill-Qorti Kriminali, u li ma kienx f’loku li l-Qorti Kostituzzjonali tidħol fil-mertu tagħha f’dan l-istadju.

F’dan il-kuntest, il-Qorti rrilevat li l-fatt li l-ġuri kien ġie appuntat u l-avviż notifikat qabel id-dħul fis-seħħ tal-emendi kien element determinanti. Fir-rigward tal-allegazzjoni ta’ diskriminazzjoni taħt l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni, il-Qorti kkonkludiet li Sammut ma wera l-ebda trattament differenti mhux ġustifikat, billi akkużati oħra fl-istess pożizzjoni tiegħu – jiġifieri dawk li l-ġuri tagħhom kien diġà appuntat qabel l-emendi – qed jiġu ttrattati bl-istess mod.

Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talbiet kostituzzjonali kollha ta’ Kevin Sammut, ikkonkludiet li ma kien hemm ebda ksur tad-drittijiet fundamentali invokati, u ordnat li l-ispejjeż tal-kawża jiġu mġarrba mir-rikorrent.