Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat lil JK Security Limited tħallas is-somma ta’ €7,964.96 lil Tuning Fork Advisory Limited wara li sabet li s-servizzi ta’ konsulenza pprovduti skont kuntratt kienu ngħataw iżda qatt ma tħallsu. Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Nadia H. Vella.
Il-kawża kienet tressqet minn Tuning Fork Advisory Limited, li talbet il-ħlas ta’ ammont dovut relatat ma’ servizzi professjonali ta’ konsulenza mogħtija lil JK Security Limited, skont kuntratt iffirmat fit-28 ta’ Frar 2022. Is-servizzi kienu jinkludu l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ ġestjoni bbażati fuq standards internazzjonali tal-ISO dwar il-kwalità, l-ambjent u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Minkejja li l-kumpanija JK Security Limited ġiet notifikata bil-proċeduri u msejħa diversi drabi sabiex tidher quddiem il-Qorti, hija naqset milli tippreżenta risposta u lanqas ma dehret għas-seduti. Għaldaqstant, il-Qorti ddikjaratha li naqqset li twieġeb ordni tal-Qorti.
Madankollu, il-Qorti fakkret li anke f’każ bħal dan, il-parti li tressaq il-kawża xorta trid tipprova t-talba tagħha skont il-livell ta’ prova rikjest mil-liġi. Fix-xhieda tiegħu, id-direttur u senior partner ta’ Tuning Fork Advisory Limited, James Brian Sammut, spjega li l-kumpanija tiegħu kienet ipprovdiet is-servizzi miftiehma u li saru diversi laqgħat sabiex jinġabru l-informazzjoni u d-dokumentazzjoni meħtieġa mingħand JK Security.
Huwa qal li s-servizzi kollha ngħataw skont il-kuntratt, bl-eċċezzjoni ta’ laqgħa waħda li ma setgħetx issir minħabba nuqqas ta’ rispons min-naħa tal-kumpanija konvenuta. Il-Qorti rat ukoll kopji ta’ fatturi, rendikonti u korrispondenza elettronika li kkonfermaw kemm is-servizzi pprovduti kif ukoll in-nuqqas ta’ ħlas.
L-ammont mitlub kien jirreferi għal pagamenti mensili dovuti għal perjodu ta’ disa’ xhur, flimkien ma’ ħlas ieħor relatat mal-kuntratt, li ma kienx ġie onorat minkejja li spejjeż oħra, bħad-depożitu, kienu tħallsu. Wara li qieset il-provi kollha, il-Qorti kkonkludiet li kien hemm kuntratt validu u viġenti bejn il-partijiet u li Tuning Fork Advisory Limited kienet issodisfat l-obbligi tagħha. Għaldaqstant, sabet li t-talba kienet ġustifikata u ppruvata b’mod sodisfaċenti.
Il-Qorti għalhekk ikkundannat lil JK Security Limited tħallas is-somma mitluba ta’ €7,964.96, flimkien mal-imgħax legali li jibda jiddekorri 30 jum wara d-data ta’ kull fattura, kif ukoll l-ispejjeż tal-kawża kollha.
//= $special ?>

