Rapport indipendenti jsib li ntuża żrar tal-bini tat-toroq; sadanittant għadna ma nafux x’qal l-espert li kellu jerġa’ jħallas il-Gvern biex isib rimedju għal dan il-fjask
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista spjega kif ħareġ biċ-ċar li t-tip ta’ żrar li tqiegħed illegalment, b’direct order bla ma nħarġet sejħa għall-offerti, u mingħajr il-permessi neċessarji fil-picnic area f’Ta’ Qali tipikament jintuża fil-bini tat-toroq u mhux talli ma għenx, imma talli qed joħnoq il-ħaxix milli jikber.
Agħar minn hekk – skont rapport indipendenti li analizza l-materjal li ntefa’ f’dan l-ispazju miftuħ – dan iż-żrar tal-kostruzzjoni tat-toroq “apposta” ġie mifrux b’mod li ma jħallix ħaxix jikber b’mod naturali, u xejn għajr il-bamboo aggressiv li jikber malajr ma jista’ jikber minnu.
Il-PN spejga li dak li sar ikkaġuna ħsara kbira lill-ħamrija ta’ Ta’ Qali u jaf ibiddel għalkollox din iz-zona tant popolari man-nies għall-picnics minn waħda bil-ħaxix għal waħda fejn ma jikber xejn.
Dak li jgħid dan ir-rapport juri kif dak li ġara f’Ta’ Qali – u li Jason Micallef, id-Delegat Speċjali ta’ Robert Abela, u l-Gvern, baqgħu jiddefendu – ma kien xejn għajr fjask mill-bidu sal-aħħar.
Ir-rapport indipendenti li tħabbar fl-aħħar sigħat wara spezzjonijiet li saru fil-post ma sewiex ċenteżmu wieħed lill-poplu Malti. Kuntrarju għat-€310,000 li l-Gvern berbaq minn flusna biex ġab iż-żrar mill-Greċja u firxu f’Ta’ Qali, u n-nefqa addizzjonali ta’ €9,000 li kellu jerġa’ jagħmel biex qabbad espert ieħor ħalli jara kif se jsolvi t-tbażwira li ħoloq hu stess.
Il-Gvern issa għandu minnufih jippubblika r-rapport ta’ dan l-espert tal-landscaping li qed jitħallas €50 fis-siegħa biex naraw jekk ir-rapport ta’ dan l-espert ġdid hux se jgħid l-istess ħaġa u jekk iva, il-Gvern għandu jgħidilna x’se jkun qed jagħmel biex jirrimedja din it-tbażwira.
L-istqarrija għalqet billi ntqal kif lil hinn mill-ħafna ftaħir u reklami tal-Gvern fil-midja dwar l-ispazji miftuħa, jidher li l-familji u ż-żgħażagħ u kull min kien juża dan l-ispazju miftuħ li tant kien imfittex – wieħed mill-ftit li fadlilna f’pajjiżna – se jkollhom jibqgħu jistennew biex jerġgħu jaraw il-ħaxix iħaddar f’Ta’ Qali.
//= $special ?>

