Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ fuq ħasil ta’ flus u serq ta’ tliet vetturi ta’ lussu – valur ta’ €1 miljun f’San Ġiljan

Raġel ta’ 42 sena mill-Iklin, Adrian Muscat, ġie akkużat b’ħasil ta’ flus u bis-serq ta’ tliet vetturi ta’ valur għoli f’inċidenti separati li seħħew f’San Ġiljan. L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi kollha miġjuba kontrih. Muscat jaħdem għal rasu, bħala ‘car dealer. Il-valur tal-karozzi misruqa hu stmat li jlaħħaq il-€1 miljun

Il-każ beda minn rapport lill-pulizija li sar fl-4 ta’ Frar, meta ġie rrappurtat li Rolls-Royce Ghost kienet insterqet minn barra lukanda f’San Ġiljan. Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-vettura kienet fil-fatt insterqet jumejn qabel, fit-2 ta’ Frar.

Waqt l-istess inkjesta, il-pulizija kkonstatat li żewġ vetturi oħra ta’ lussu kienu wkoll insterqu f’inċidenti separati. Skont il-prosekuzzjoni, Audi S7 li kellha pjanċi Ġermaniżi insterqet fl-1 ta’ Frar f’San Ġiljan, filwaqt li Bentley Continental reġistrata Malta insterqet fit-2 ta’ Frar bejn il-11.00am u l-1.00pm. Fl-istess jum u fl-istess ħin approssimattiv, Rolls-Royce Ghost insterqet minn barra l-Malta Marriott Resort & Spa f’Balluta Bay.

Il-prosekuzzjoni qalet li filmati tas-CCTV u reġistrazzjonijiet oħra miġbura matul l-investigazzjonijiet jindikaw lill-imputat bħala l-persuna li wettaq jew iffaċilita s-serq ta’ dawn il-vetturi. Minbarra l-akkużi ta’ serq, Muscat jinsab mixli wkoll li wettaq reati ta’ ħasil ta’ flus matul Frar 2026 u fil-jiem ta’ qabel, billi allegatament ikkonverta, ittrasferixxa, ħeba, żamm, akkwista jew uża proprjetà li kien jaf jew issuspettat li ġiet minn attività kriminali, direttament jew indirettament.

Huwa ġie mixli wkoll b’tentattiv li jwettaq tali reati u li aġixxa bħala kompliċi, bi ksur tal-Kodiċi Kriminali u tal-Att dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus. Il-prosekuzzjoni talbet ukoll li l-Qorti toħroġ ordni ta’ ffriżar u sekwestru fuq l-assi tal-imputat, inkluża proprjetà miżmuma minn terzi, sa valur ta’ €1 miljun, bil-għan li dawn l-assi jkunu jistgħu jiġu kkonfiskati jekk ikun hemm bżonn.

Id-difiża kkontestat il-legalità tal-arrest, iżda l-Qorti ddeċidiet li l-arrest kien validu. Wara, id-difiża talbet il-libertà proviżorja, talba li kienet oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, iżda imponiet diversi kundizzjonijiet, fosthom li l-imputat jiffirma l-ktieb tal-bail, li ma jikkomunikax ma’ xhieda u kundizzjonijiet oħra relatati mal-każ. Fl-istess ħin, ġiet imposta wkoll ordni ta’ ffriżar fuq l-assi tiegħu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Shawn Pawney u Luigi Gulia, filwaqt li l-imputat qed jiġi assistit mill-avukati Franco Debono u Matthew Xuereb.