Lokali Qorti

Konfermata sentenza dwar qsim ta’ tliet proprjetajiet li ma setgħetx tiġi deċiża

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell imressaq minn diversi persuni u kumpanija tal-propjetà f’kawża twila u kumplessa dwar il-qasma ta’ tliet proprjetajiet fiż-Żejtun u Marsascala, u kkonfermat is-sentenza tal-Ewwel Qorti li kienet astjeniet milli tiddeċiedi t-talbiet tagħhom minħabba nuqqas serju ta’ provi dokumentarji dwar l-isħma eżatti tal-partijiet involuti.

Is-sentenza ngħatat mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli. Il-Qorti kienet qed tisma’ appell minn sentenza mogħtija mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili f’Jannar tal-2024, li biha l-konvenuti kollha kienu nħelsu milli jibqgħu fil-kawża u t-talbiet ta’ dawk li fetħu l-proċeduri ma ġewx deċiżi.

Il-kawża tmur lura għall-2013 minn Marsascala Properties Limited u numru ta’ persuni oħra, li sostnew li huma kellhom sehem mhux maqsum ta’ madwar 96 fil-mija f’tliet biċċiet ta’ art, filwaqt li l-bqija tas-sehem kien miżmum minn numru kbir ta’ oħrajn, ħafna minnhom eredi.

L-atturi qalu li ma xtaqux jibqgħu f’komunjoni ma’ dawn il-komproprjetarji u talbu lill-Qorti tordna x-xoljiment tal-komunjoni, jew permezz ta’ diviżjoni tal-art jekk din tkun possibbli, jew inkella permezz ta’ bejgħ bl-irkant.

Matul is-snin, il-kawża kompliet issir aktar ikkumplikata minħabba mwiet ta’ partijiet, sostituzzjonijiet b’eredi, ħatriet ta’ kuraturi deputati u anke allegazzjonijiet li kien hemm persuni oħra b’interess fil-proprjetajiet li ma kinux imsemmija fil-kawża.

L-Ewwel Qorti, wara li eżaminat il-provi, waslet għall-konklużjoni li ma setgħetx tiddeċiedi b’mod ġust dwar il-kwoti eżatti tal-partijiet, peress li ħafna mill-kuntratti prodotti kienu jew mhux leġibbli, mhux kompluti jew impreċiżi.

Għalhekk, hija ddeċidiet li żżomm lura milli taqta’ t-talbiet u ħelset lill-konvenuti kollha milli jibqgħu fil-kawża, filwaqt li ħalliet il-bieb miftuħ biex l-atturi jerġgħu jressqu kawża ġdida fil-futur jekk ikunu f’pożizzjoni li jipproduċu provi aħjar.

Dawn li bdew il-proċeduri appellaw minn din id-deċiżjoni, u argumentaw li l-Ewwel Qorti żbaljat meta qieset li kien hemm nuqqas ta’ provi, kif ukoll li jekk kien hemm xi problema minħabba l-assenza ta’ persuna li kienet akkwistat sehem żgħir mill-art, il-Qorti kellha ssejjaħ lil dik il-persuna fil-kawża minflok ma tastjeni milli tiddeċiedi. Huma saħqu wkoll li s-sehem inkwistjoni kien minimu u ma kellux jfixkel id-deċiżjoni fuq il-qasma.

Il-Qorti tal-Appell, iżda, ma qablitx ma’ dawn l-argumenti. Hija spjegat li r-raġuni prinċipali għalfejn l-Ewwel Qorti ma qatgħetx il-kawża ma kinitx biss il-preżenza jew l-assenza ta’ xi parti, iżda l-fatt li l-provi dokumentarji dwar it-titlu u l-ishma kienu insuffiċjenti biex tintlaħaq deċiżjoni definittiva u ġusta.

Il-Qorti nnotat ukoll li l-atturi (min fetaħ il-kawża) naqsu milli jressqu aggravji speċifiċi dwar ċerti konstatazzjonijiet ewlenin tal-Ewwel Qorti, bħall-fatt li xi kuntratti ma kinux jinqraw jew kienu difettużi, u għalhekk ma setgħetx tidħol f’dawk il-kwistjonijiet fl-appell.

Fir-rigward tal-appell inċidentali mressaq minn numru ta’ konvenuti, li fih talbu li l-atturi jiġu kkundannati għall-ispejjeż kollha tal-kawża, il-Qorti tal-Appell qieset li s-sentenza tal-Ewwel Qorti kienet waħda bilanċjata, peress li t-talbiet tal-atturi ma ġewx miċħuda imma biss imħollija mhux deċiżi. Għaldaqstant, ma kienx hemm raġuni biex tinbidel id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Appell ċaħdet kemm l-appell ewlieni tal-atturi kif ukoll l-appell inċidentali tal-konvenuti, u kkonfermat li l-atturi jibqgħu liberi li, jekk iridu, jerġgħu jressqu l-kawża mill-ġdid b’dokumentazzjoni aktar soda u kompluta.