Il-kuruna tal-Imperatriċi Franċiża Eugenie li sarilha l-ħsara waqt is-serqa fil-Mużew Louvre f’Ottubru tas-sena li għaddiet kienet tħalliet mgħaffġa – iżda tista’ tiġi “irrestawrata kompletament”. Dan intqal mill-Mużew stess erba’ xhur wara s-serqa li ġibdet l-attenzjoni tal-media internazzjonali; minħabba li kienet serqa qisha tal-films.
L-Imperatriċi Eugenie kienet mart l-ewwel President Franċiż, Napuljun III – li kien in-neputi ta’ Napuljun Bonaparte.
Fid-19 t’Ottubru tal-2025 grupp ta’ ħallelin libsu ilbies daqs li kieku kienu ħaddiema tal-kostruzzjoni u użaw vettura misruqa li kellha lift mekkaniku fuqha biex jiksbu aċċess għal gallarija tal-mużew. Huma damu hemm erba’ minuti biss u serqu ġojjeleriji storiċi li huma stmati li għandhom valur kollettiv ta’ €88 miljun.
Biex jipprovaw jisirqu l-kuruna tal-Imperatriċi Eugenie, il-ħallelin issegaw il-ħġieġ protettiv iżda ma rnexxielhomx joħorġuha mit-toqba dejqa li ssegaw. Konsegwenza t’hekk, il-kuruna tħalliet imkissra u tilfet għaxra mill-1,354 djamant li kellha.
Is-56 żmeralda li kien hemm fil-kuruna baqgħu f’posthom.
S’issa erba’ irġiel ġew arrestati fuq suspett li kienu responsabbli għas-serqa. Għalkemm il-ġojjeleriji li nsterqu għadhom ma nstabux.


