L-iskala tat-theddida ta’ konflitt militari bejn l-Istati Uniti u l-Iran battiet xi ftit fl-aħħar sigħat, iżda żgur li l-potenzjal għall-gwerra għadu hemm.
Dan meta, fl-aħħar sigħat, l-Uffiċjali Ewlenin tal-Istati Uniti u l-Iran kienu qed jiltaqgħu għal taħditiet fl-Oman fejn kellhom indirizzaw il-kriżi akuta bejn Washington u Tehran…Għedewwa u Avversarji miż-żmenijiet tar-Rivoluzzjoni Iżlamika tal-1979 fl-Iran.
It-taħditiet kienu qed isiru wara li aktar bastimenti tal-gwerra u kontinġenti militari oħra tal-Istati Uniti waslu fl-ibħra tal-Golf ftit ‘il hinn mill-Iran…Dan b’reazzjoni għall-kampanja ta’ ripressjoni tar-reġim Iranjan fuq l-għexieren tal-eluf tal-Iranjani li fl-aħħar jiem ħarġu fit-toroq biex jipprotestaw dwar il-kroll finanzjarju ta’ pajjiżhom…Kroll storiku li ħalla impatt terribbli fuq l-gaħjxien tagħhom ta’ kuljum.
Ir-reġim tal-Ayatollah Ali Khamenei ma żammx lura milli juża l-ponn tal-ħadid mad-dimostranti, bil-gruppi favur id-drittijiet umani jikkonfermaw il-qtil u feriment ta’ eluf ta’ nies.
Intant, l-iskop ewlieni tat-taħditiet fl-Oman baqa’ mhux iddettaljat u meta d-differenzi bejn l-Amerikani u l-Iranjani għadhom kbar u profondi.
Fl-istess ħin, hemm ftit tama li d-diskussjonijiet – jekk kemm-il darba jirnexxu – iwasslu għal ‘qafas ta’ negozjati’ li jibqa’ effettiv għat-tul taż-żmien.
L-Istati Uniti qed tinsisti biex l-Iran jiffriża l-programm nukleari tiegħu filwaqt li jwarrab għall-ħażna ta’ uranju rraffinat li kapaċi jintuża għall-produzzjoni tal-bombi atomiċi.
Intant, l-Amerikani, sigħat ilu, insistew biex it-taħditiet fl-Oman jinvolvu wkoll il-missili ballistiċi tal-Iran u l-mod kif ir-reġim ta’ Khamenei qed jittratta liċ-ċittadini tiegħu. Punt ieħor sinifikanti li qed tindirizza l-Istati Uniti jinvolvi l-appoġġ tal-Iran għall-gruppi armati alleati ma’ Tehran madwar il-Lvant Nofsani.
Iżda l-Iran, qabel it-taħditiet, indika li d-diskussjonijiet mal-Amerikani kellhom ikunu limitati biss għall-programm nukleari tiegħu…Mhux ċar, għalissa, jekk id-differenzi bejn id-delegazzjonijiet rispettivi jistgħux ikunu solvuti, almenu parzjalment.
Il-Gvern tal-Oman, fl-aħħar sigħat, kellu taħditiet separati mal-Ministru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, Abbas Araghchi u r-Rappreżentanti Speċjali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff u Jared Kushner.
Dan fost il-konsultazzjonijiet kontinwi għat-tħejjija tal-kundizzjonijiet li jippermettu għal negozjati diplomatiċi u tekniċi għat-tul taż-żmien.
L-aħħar rawnd ta’ taħditiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran rigward il-programm nukleari ta’ Tehran suppost li kien sar f’Ġunju tas-sena l-oħra — iżda baqa’ ma seħħx wara li l-qawwiet Iżraeljani mexxew sensiela ta’ attakki militari koordinati fuq l-Iran.
Fl-aħħar jiem ukoll, il-President Amerikan Donald Trump hedded attakk militari simili fuq l-Iran f’każ li ma jseħħx ftehim ‘sodisfaċenti’ u li jorbot lill-partijiet kollha.
Dan meta l-Armada ta’ bastimenti tal-gwerra Amerikani –li jinkludu aircraft carrier bi skwadrun ta’ fighter jets – għadha fuq standby ftit ‘il hinn mill-Iran.
Min-naħa tiegħu, l-Ayatollah Khamenei ħalef biex iwieġeb bil-forza għal kwalunkwe aggressjoni mill-Istati Uniti — fost ir-referenzi għall-assi militari tal-Amerikani f’Iżrael u bnadi oħrajn madwar il-Lvant Nofsani.
//= $special ?>

