L-uffiċjali tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qabdu 227 persuna fil-lokalità ta’ San Ġiljan bejn l-1 ta’ Mejju 2024 u l-aħħar tas-sena li għaddiet, u fl-istess perjodu nħarġu 179 multa li jammontaw għal €27,400. Dawn dwar ħruġ ta’ skart barra mill-iskeda.
Fl-istess perjodu, fis-Swieqi nqabdu 85 persuna u nħarġu 48 multa li jammontaw għal €7,200.
Dwar dan tkellmet Miriam Dalli, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, li kienet qed twieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Albert Buttigieg li staqsa lill-Ministru Dalli tgħid kemm persuni nqabdu mill-uffiċjali tal-ERA li ħarġu skart barra mill-iskeda fil-lokalitajiet ta’ San Ġiljan u s-Swieqi separatament, minn Mejju 2024 sal-lum u kemm inħarġu multi u kemm kienu jammontaw.
Fissret ukoll li amministrattivament hemm proċess biex jinħarġu l-multi, allura, l-figuri ta’ kemm inqabdu persuni u l-figuri tal-multi li nħarġu ma jikkorrispondux minħabba li l-proċess amministrattiv jieħu ammont ta’ ġranet li jista’ anke jtawwal għal ġimgħat biex jiġi konkluż, minħabba li f’ċerti istanzi jkun hemm bżonn iktar informazzjoni biex tkun tista’ tinħareġ multa.
Il-każi jinkludu persuni li nqabdu joħorġu l-iskart kemm fil-ħin ħażin, fil-ġurnata l-ħażina kif ukoll ma’ ġenb xi skip jew kontenitur tal-iskart ieħor. Jinkludu wkoll persuni li ħarġu l-borża s-sewda mhux separata b’mod korrett u għalhekk ingħataw ittra ta’ twissija biss.
//= $special ?>

