Joe M. Zahra
Meta ħareġ Ġużeppi mar jiġri fuq Eddie u wara ġie jistaqsini x’jidhirli. L-uniku ħaġa li stajt ngħidlu kienet li jidher persuna serja u tal-affari tiegħu.
Sadattant jien kont nieħu ħsieb il-gazzetta tal-Partit IL-POPLU. Kont nagħmel kollox: niġbor il-materjal, nikteb, nitla’ l-Lux Press fejn konna nistampaw biex nikkoreġi. Spiċċajt anke mmur inqassam il-gazzetta jien. Niftakar li f’laqgħa li kien ikolli kuljum miegħu peress li kont naħdem il-Belt u fil-break kont immur għandu, Borg Olivier qalli li kellna problema. Kien telaq id-distributur. Jien mill-ewwel għedtlu li kont lest inqassam il-gazzetta jien. Organizzajt tim li jiġu miegħi u bdejt inqassam IL-POPLU.
Corner meetings f’kull rokna
Sadattant Eddie kien beda jdur kull rokna tad-distrett jagħmel il-corner meetings. Nemmen li l-unika lokalità li konna nimpikawlu f’sens tajjeb kien iż-Żejtun fejn kont norganizza corner meetings għat-Tabib Cachia Zammit f’kull rokna tar-raħal!
Fil-ħarġa ta’ IL-POPLU tal-25 ta’ Novembru 1961 fuq il-paġna ta’ quddiem kien hemm numru ta’ nomini ġodda fil-Partit Nazzjonaluisa li kienu deċiżi fil-laqgħa tal-Eżekuttiv. Fost dawn kien hemm il-ħatra tat-Tabib Antonio Paris bħala Viċi President tal-PN; Dr Eddie Fenech Adami kien ġie elett bħala rappreżentant tas-Sitt Distrett fl-Eżekuttiv u jien bħala Assistent Editur ta’ IL-POPLU.
Iż-żmien beda għaddej. Lil Eddie kont niltaqa’ miegħu f’attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista. Id-distrett tiegħu ma kienx wieħed faċli. Minn hemm konna ntellgħu tlieta biss Il-kompetizzjoni kienet waħda iebsa. Eddie la kien elett fl-elezzjoni tal-1962 u lanqas f’dik tal-1966. Biss ma qatax qalbu! Meta miet Ġorg Caruana, li kien elett f’bye election, kien co-opted Eddie Fenech Adami biex jirrappreżenta l-Partit Nazzjonalista fil-Parlament minn fuq id-distrett ta’ Raħal Ġdid.
Fil-Parlament Eddie Fenech Adami beda mill-ewwel juri l-kapaċitajiet tiegħu. Flimkien ma’ Ugo Mifsud Bonnici, Albert Borg Olivier de Puget, Guido de Marco u Josie Muscat kien wieħed minn dawk li Ġorġ Borg Olivier kien iħares lejhom bħala materjal ministerjali. Dak iż-żmien kellna Moviment taż-Żgħażagħ tal-PN organizzat b’kumitati sezzjonali għal ġuvintur għalihom u xebbiet għalihom ma’ Malta u Għawdex kollha. Jien kont nirrappreżenta lill-MŻPN fl-Eżekuttiv tal-Partit fejn kont niltaqa’ ma’ dan id-demm ġdid li kellna u fejn kont insegwi l-interventi ta’ persuni bħal Eddie Fenech Adami. Dejjem korrett u to the point. Niftakar f’seminar li l-Partit Nazzonjalista kien organizza f’lukanda f’Marsalforn Għawdex dawn kienu kollha hemm jipparteċipaw fid-diskussjoni li kellha ta’ quddiem nett l-elezzjoni ġenerali li kienet riesqa.
Elezzjoni li ġiet u li l-Partit Nazzjonalista tilef. Li wasslet għal riorganizzazzjoni fil-Partit Nazzjonalista fejn Eddie Fenech Adami kien wieħed mill-istilel li kienu qed jikbru fi ħdan il-Partit. Kienu anke żminijiet ta’ konfronti mhux biss fi ħdan il-pajjiż iżda anke fil-partit. Żminijiet li taw dehra ġdida lill-PN, organizzazzjoni u ħidma fejn infetħu diversi każini ma’ Malta u Għawdex. Id-Dar Ċentrali, li kienet tlestiet, saret bejta ta’ attività. Mill-istamperija, li kienet fil-parti ta’ taħt l-art tal-bini, kienu joħorġu l-ġurnal ta’ kuljum IN-NAZZJON TAGĦNA u dak tal-Ħadd IL-MUMENT. Li iktar tard ingħaqdet magħhom il-gazzetta ta’ kull ġimgħa bl-Ingliż THE DEMOCRAT.
Tellieqa għas-suċċessjoni
Wara l-elezzjoni ġenerali tal-1976, li l-Partit Nazzjonalista reġa’ tilef, bdiet it-tellieqa għas-suċċessjoni ta’ Ġorġ Borg Olivier bħala kap. Borg Olivier sadattant kien marad ħafna. Saret elezzjoni għal kap suċċessur fejn ġie elett Eddie Fenech Adami. Li mill-ewwel beda bil-ħidma tiegħu biex ikompli fejn ħalla ta’ qablu u jkabbar il-Partit Nazzjonalista biex jirbaħ.
Ma kenux snin faċli għal Eddie Fenech Adami. Il-Partit Laburista fil-gvern kien qed isir dejjem iktar dittatorjali. Kienu jagħmlu minn kollox biex iħarbtulna l-meetings u l-attivitajiet li konna norganizzaw. Iżda Eddie kien determinat li joħroġ lil pajjiżna minn din il-qagħda kerha. Ma qatax qalbu lanqas meta attakkawlu daru u l-familja tiegħu.
Niftakar qisu lbieraħ isejjaħli Louis Galea li kien Segretarju Ġenerali tal-PN u jistaqsini jekk ridtx immur sad-dar ta’ Eddie biex nagħmel rapport dwar dak li kien seħħ. Mill-ewwel għedtlu iva. Għaddejt għall-fotografu Guido Farrugia u morna Birkirkara. Hemmhekk rajna tkissir, għamara u files barra fit-triq u xena fid-dar li għadha impressjonata f’moħħi. Morna lura l-istamperija. Jien għamilt storja u Guido lesta r-ritratti. Niftakar li xi jiem wara l-Każin tal-PN tal-Isla stiednu lil Eddie. Jien kont hemm u quddiem dawk kollha preżenti rringrazzjani talli kont jien li mort nagħmel rapport dwar dak li kien seħħ f’daru.
Spinta għal iktar ħidma
Tul iż-żmien sa ma rbaħna l-elezzjoni ġenerali tal-1987 il-Partit Nazzjonalista taħt it-tmexxija ta’ Fenech Adami għadda minn ħafna inkwiet. Kellna tkissir ta’ każini, swat lin-nies tagħna, l-inċidenti Tal-Barrani, l-assassinju ta’ Raymond Caruana, l-isparaturi fuq il-każin ta’ Ħal Tarxien, swat fuq partitarji Nazzjonalisti biex ma jivvutawx. Iżda n-Nazzjonalisti ħarġu dejjem iżjed sodi. L-elezzjoni ġenerali li rbaħna bil-voti fl-1981 u li l-PN tilef għaliex il-Gvern Laburista bagħbas fil-konfini elettorali kienet għalina ta’ spinta biex naħdmu iktar u biex wasalna għal tibdil fil-kostituzzjoni fejn min iġib 50 fil-mija tal-voti u wieħed jirbaħ.
Hekk ġara fl-1987. Eddie rebaħ u beda jbiddel wiċċ Malta. Beda bil-ħidma biex il-pajjiż jinbidel f’wieħed modern u mhux iktar wieħed tat-Tielet Dinja. Rebaħ ukoll l-elezzjoni tal-1992 fejn ftit wara ġejt imsejjaħ mis-Segretarju Ġenerali Austin Gatt biex immexxi IN-NAZZJON jien.
Fl-1996 tlifna l-elezzjoni iżda mhux il-ħeġġa biex naħdmu biex nerġgħu nkunu fil-gvern. Niftakar kull nhar ta’ Tnejn l-edituri kien ikollhom laqgħa mad-direzzjoni tal-Partit immexxija minn Eddie Fenech Adami. Kienet tkun laqgħa li fiha niddiskutu x’se nwettqu matul il-ġimgħa. Laqgħat importanti li kienu jagħtu direzzjoni. Meta tersaq l-elezzjoni ġenerali dawn il-laqgħat kienu jsiru kuljum. Niftakar lil Eddie jqalleb il-paġni ta’ IN-NAZZJON li kien ikollu diversi supplimenti u juri l-apprezzament tiegħu għal dak li konna qed nagħmlu.
Eddie kien ċert mir-rebħa tal-elezzjoni tiġi meta tiġi. Niftakar f’Malta Day li kienet tinżamm waqt il-Fiera Internazzjonali ta’ Malta, fejn l-aħħar waħda taħt il-Gvern ta’ Alfred Sant saret fil-Palazz tal-Ġirgenti, dawk preżenti daru iktar ma’ Eddie milli mal-Prim Ministru. Niftakar lil Eddie jsejjaħli u jgħidli li dak li kien qed jara quddiemu kien indikazzjoni li konna se nirbħu.
Ir-rebħa tal-1998
Hekk seħħ! Ġiet l-elezzjoni ġenerali tal-1998, beda jsir l-għadd tal-voti u deher ċar li l-PN kien se jirbaħ. Fid-Dar Ċentrali kien hemm ewforija kbira. Jien ridt noħroġ il-ġurnal. Għalhekk waqqaft lill-ftit li kelli bżonn biex naħdem milli jkomplu jixorbu. Għedtilhom imorru jaħslu wiċċhom għaliex IN-NAZZJON ried joħroġ u aħjar mis-soltu.
Ħin minnhom talbuni nitla’ fuq biex nifraħ lill-kap mal-bqija. Għedtilhom li dan kont se nħallih għall-għada. U hekk għamilt! L-għada tlajt Kastilja. Eddie kif rani mill-bogħod qasam il-kamra, ġie jgħannaqni u jirringrazzjani tal-ħidma li wettaqna.
Ma nkunx ġust ma’ Eddie u l-qarrejja ta’ dan il-ġurnal jekk ma nsemmix il-ħidma tiegħu biex Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea. Kienet it-tenaċità tiegħu li wasslitna. Wara li sejjaħ referendum u rebħu, wara li r-riżultat ma ġiex aċċettat minn Alfred Sant, għaliex kellu fiduċja fil-poplu, sejjaħ elezzjoni fi żmien ħames ġimgħat li rebaħ u ssiġilla s-sħubija ta’ pajjiżna fl-Unjoni Ewropa. Eddie Fenech Adami hu wieħed mill-ikbar politiċi li tana pajjiżna. Kien bniedem determinat u ċert minn dak kollu li kien qed jagħmel. Hu l-bniedem li biddel wiċċ pajjiżna. Li tagħna ekonomija soda mibnija fuq il-ħila tal-Maltin u l-Għawdxin li lejhom kellu kull rispett.
Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 6 ta’ Frar, 2026.
//= $special ?>

