Lokali Qorti

Pleġġ għall-Pulizija sospiż mixli li ġibed xagħar is-sieħba f’argument ta’ għira

Pulizija ta’ 22 sena, li bħalissa jinsab sospiż mid-doveri tiegħu, wieġeb mhux ħati għall-akkużi li kkawża biża’ lis-sieħba tiegħu li tintuża vjolenza kontriha u li kkaġunalha ġrieħi ħfief, wara allegat argument imqanqal minn xeni ta’ għira.

Ir-raġel, li ma jistax jissemmà b’ordni tal-Qorti, tressaq il-Qorti l-Ġimgħa waranofsinhar wara li s-sieħba tiegħu għamlet rapport mat-Taqsima tal-Vjolenza Domestika. Il-Qorti ġiet infurmata li l-koppja kienet ilha flimkien għal madwar sena, kienu infirdu, iżda reġgħu għamlu paċi f’Jannar li għadda.

Skont il-prosekuzzjoni, l-inċident seħħ nhar il-Ħamis, meta l-akkużat allegatament beda jfittex fil-mobile tal-mara u sab ritratti ta’ raġel ieħor li kienet qed titkellem miegħu fi żmien meta huma ma kinux flimkien. Allegatament, dan wassal għal argument li matulu r-raġel qabad lis-sieħba tiegħu minn xagħarha u kkaġunalha ġrieħi fil-polz ta’ jdejha.

Fil-Qorti, l-akkużat ġie mixli wkoll li ħa l-liġi f’idejh u li wettaq reat li, bħala pulizija, kien fid-dmir tiegħu li jipprevjeni. Barra minn hekk, huwa ġie akkużat li kiser kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja f’kawża oħra. Huwa ċaħad l-akkużi kollha miġjuba kontrih.

Id-difiża, immexxija mill-avukat Franco Debono, talbet għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li spjegat li l-akkużat huwa pulizija sospiż minħabba l-proċeduri pendenti kontrih. Dr. Debono sostna li f’xi mument l-akkużat ried jitlaq mid-dar iżda s-sieħba tiegħu allegatament imblukkatlu t-triq, u hu kellu jimbuttaha biex jgħaddi.

Min-naħa tiegħu, l-Ispettur tal-Pulizija Christian Cauchi oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest, u argumenta li l-allegata vittma kienet għadha ma xehditx u li x’aktarx oħtha wkoll se tissejjaħ tixhed. Huwa żied li l-akkużat kien suġġett għal curfew bejn l-10 ta’ filgħaxija u s-7 ta’ filgħodu, u li skont il-prosekuzzjoni kellu jkun id-dar fis-6 ta’ filgħodu meta seħħ l-inċident.

Id-difiża reġgħet insistiet li l-akkużat seta’ jingħata l-libertà proviżorja taħt kundizzjonijiet stretti, inkluż ordni ta’ superviżjoni. Ġie enfasizzat ukoll li r-raġel m’għandux problemi ta’ vizzji u li ta l-verżjoni tiegħu tal-ġrajjiet lill-pulizija.

Omm l-akkużat xehdet quddiem il-Qorti u qalet li hija lesta tilqgħu lura d-dar u tappoġġjah sakemm isib impjieg. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, il-Qorti tat il-libertà proviżorja lill-akkużat fuq depożitu ta’ €3,000 u garanzija personali ta’ €8,000. Huwa ġie ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija kuljum u ġiet imposta wkoll curfew. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-allegata vittma.