Lokali Qorti

Probation fuq fastidju fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu għax ċaħditu mill-jara lil binthom

Raġel Żvediż ta’ 41 sena, residenti Għawdex, tressaq il-Qorti wara li l-eks sieħba tiegħu akkużatu li kkawżalha biża’ li setgħet tintuża vjolenza kontriha. Fil-Qorti nstab li l-imġiba tiegħu kienet marbuta ma’ tensjoni kbira wara li, skont dak li ntqal, il-mara kienet qed iċċaħħdu milli jara lil binthom.

L-Ispettur tal-Pulizija kkonferma li l-attitudni tal-akkużat kienet instigata proprju minn din is-sitwazzjoni familjari. Dan il-punt tqajjem ukoll mid-difiża waqt li l-prosekuzzjoni spjegat iċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest. Il-Qorti semgħet kif l-eks sieħba allegat li l-missier beda jmur fejn l-iskola tat-tifla u jipprova jeħodha miegħu, kif ukoll li kien mar diversi drabi jċemplilha l-qanpiena f’nofs il-lejl jistaqsi biex jara lil bintu.

L-akkużat ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih. Fit-trattazzjoni dwar il-piena, il-prosekuzzjoni qalet li f’dan il-każ ma kienx xieraq li r-raġel jingħata sentenza ta’ ħabs. Min-naħa tagħha, id-difiża argumentat li l-akkużat spiċċa jbati minn problemi ta’ saħħa mentali minħabba li ilu miċħud milli jara lil bintu ta’ ħames snin.

L-Avukat Yanica Barbara qalet li r-raġel ilu ma jara lil bintu sitt xhur sħaħ, ħlief għal ftit minuti biss f’għeluq sninha, laqgħa li skont id-difiża ntemmet ħesrem meta l-omm keċċietu. Hija sostniet li t-tfal qed jintużaw bħala mezz ta’ pressjoni kontra missierhom u li l-omm ma ħallitlu l-ebda għażla oħra ħlief li jmur fejn l-iskola biex jara lil bintu.

li r-raġel mhux qed jitlob biss dwar manteniment, iżda għandu xewqa qawwija li jkun preżenti fil-ħajja ta’ bintu. Qalet ukoll li, skont l-akkużat, l-allegata vittma kienet hedditu li jekk jirraportaha, “ser tkissru” meta jiltaqgħu quddiem il-Qorti.

Wara li semgħet il-partijiet kollha, il-Qorti poġġiet lir-raġel taħt ordni ta’ probation u ordni ta’ trattament għal perjodu ta’ sentejn, u ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin. Il-Qorti speċifikat li din l-ordni ma għandhiex taffettwa l-aċċess tal-missier għal bintu. Barra minn hekk, l-akkużat ġie mmultat €500. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Colin Sheldon, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-Avukat Yanica Barbara.