Lokali Qorti

Probation għal raġel li aggredixxa lill-eks sieħba hekk kif id-difiża titkellem dwar ‘mise-en-scène’

Raġel ta’ 27 sena, ta’ nazzjonalità Taljana, ingħata ordni ta’ probation ta’ sentejn mill-Qorti wara li ammetta li kkaġuna ġrieħi ħfief lill-eks sieħba tiegħu meta allegatament ta daqqa ta’ xkupa waqt argument domestiku. Il-Qorti imponiet ukoll multa ta’ €1,000 li trid titħallas fi żmien xahrejn, kif ukoll ordni ta’ trażżin għal sentejn favur il-vittma.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Tanya Sammut, fejn l-imputat wieġeb ħati li kkawża lill-mara biża’ li tintuża vjolenza kontriha, li insultha u heddidha, kif ukoll li abbuża minn apparat elettroniku. Minħabba ordni tal-Qorti, l-imputat ma jistax jissemmà b’ismu.

Waqt is-seduta, l-avukat Yanica Barbara argumentat li r-rapport lill-Pulizija kien parti minn dak li ddeskriviet bħala “mise-en-scène”, bil-għan li l-vittma tagħfas fuq l-imputat biex iħallas dejn ta’ €2,850 li kien għad irid iroddilha. Qalet li membru tal-familja tal-vittma bagħat messaġġ lill-imputat fejn qallu li jekk iħallas il-flus, il-każ kriminali kontrih kien se jitwaqqa’. Il-flus eventwalment tħallsu mis-sieħeb tal- omm l-imputat.

L-avukat sostniet li hemm każijiet fejn nisa jabbużaw mill-proċeduri tal-vjolenza domestika biex “jeħilsu minn raġel”, u qalet li mhuwiex ġust li biex mara teħles minn raġel kull m’għandha tagħmel hu “risk assessment” u ttella’ punteġġ għoli u r-raġel jispiċċa l-Qorti. Wara fil-Qorti dawn in-nisa jgħidu li aġixxew malajr u jgħidu li jrid jaħfru. “Għandna nisa li qegħdin jabbużaw minn dawn il-proċeduri”, qalet l-Avukat Bugeja.

Kompliet tgħid li biex tirkupra l-flus ma jkunx hemm il-bżonn li ttella ‘ lil xi ħadd il-Qorti fuq vjolenza domestika meta hemm fora oħra f’każijiet bħal dawn. Min-naħa tagħha, il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Carlos Cordina, spjegat li fid-9 ta’ Jannar il-vittma marret tagħmel rapport għand il-Pulizija u li fl-istess jum irċeviet messaġġ mill-imputat li kien jinkludi insulti.

Il-mara qalet li fil-lejl tat-2 ta’ Jannar, għall-ħabta tat-3 ta’ filgħodu, seħħ argument fid-dar tagħha wara li l-imputat uża d-droga, u li waqt dan l-argument huwa ta’ daqqa bi xkupa u beda jinsultaha fejn qalilha – “bonġu stupida.”

Il-mara qalet ukoll li ftit jiem wara reġa’ bagħtilha messaġġi offensivi fejn sejħilha, fost oħrajn, “prostituta” u reġa’ qalilha “stupida”. Il-vittma marret l-Isptar Mater Dei fil-5 ta’ Jannar, fejn il-ġrieħi tagħha ġew iċċertifikati bħala ħfief. Wara li wettqet ‘risk assessment’, hija kisbet punteġġ ta’ 19, li jindika livell ta’ periklu estrem.

Il-Pulizija qalet li inizjalment ma setgħetx issib lill-imputat u għalhekk ġie mfittex. Eventwalment, huwa kkuntattja lill-Pulizija minn jeddu, mar l-għassa l-għada u ġie arrestat. Waqt is-sottomissjonijiet, l-avukat parte civile Joseph Borda qal li l-koppja kienet iltaqgħet fuq il-midja soċjali u li wara l-ewwel appuntament l-imputat mar jgħix mal-vittma.

Huwa sostna li l-mara spiċċat mhedda u abbużata u li l-flus tħallsu biss wara li l-imputat induna li kien qed jiġi mfittex mill-Pulizija. Żied li missier l-imputat kien ċempel lill-vittma wara l-arrest, iżda hija ddeċidiet li timblokkah.

Id-difiża rribattiet li l-vittma kienet stiednet lill-imputat biex jgħix magħha u li l-imputat għandu kondotta nadifa, ilu jgħix Malta għal madwar 10 snin u għandu żewġt itfal minorenni. L-avukat irrimarkat ukoll li l-vittma allegatament insultat lit-tifla tal-imputat u li marret l-isptar tlett ijiem wara l-inċident.

Wara li semgħet il-partijiet kollha u fid-dawl tal-ammissjoni tal-imputat, il-Qorti sabitu ħati u imponiet fuqu ordni ta’ probation ta’ sentejn, multa u ordni ta’ trażżin favur il-vittma.