Lokali Qorti

Sentenza sospiża għal raġel li gidem lis-sieħba tiegħu u kabbar il-pjanti tal-kannabis fid-dar

Raġel ta’ 44 sena minn Żejtun ingħata sentenza ta’ ħabs sospiża u ġie mmultat wara li ammetta li gidem lis-sieħba tiegħu f’subgħajha waqt argument domestiku u li kien qed ikabbar numru akbar ta’ pjanti tal-kannabis milli hu permess bil-liġi.

Quddiem il-Qorti, l-Ispettur tal-Pulizija Christian Cauchi spjega li fit-23 ta’ Jannar, għall-ħabta tal-5.30 ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata b’argument f’residenza fiż-Żejtun. Malli marru fuq il-post, l-uffiċjali sabu mara li kellha bżonn assistenza medika wara li allegatament kienet migduma f’subgħajha mis-sieħeb tagħha.

Waqt spezzjoni fid-dar, il-Pulizija sabet 12-il pjanta tal-kannabis kif ukoll vażetti tal-ħġieġ li fihom kien hemm sustanza ħadra suspettata li kienet kannabis. Fir-rapport tagħha lit-Taqsima tal-Vjolenza Domestika, il-mara qalet li l-ġurnata ta’ qabel kienet argumentat mas-sieħeb tagħha wara li dan riedha tiffirma prokura, iżda hi rrifjutat. Wara dan, huwa bagħtilha sensiela ta’ messaġġi b’insulti fil-konfront tagħha.

Fil-jum tal-inċident, il-mara ċemplet lill-Pulizija iżda s-sieħeb tagħha ħatfilha l-mobajl minn idejha. Meta ppruvat terġa’ tieħdu lura, huwa allegatament gidmilha subgħajha quddiem it-tfal tagħhom. Ir-raġel aktar tard irritorna d-dar, fejn ġie arrestat.

Huwa allega li ried jagħmel suwiċidju u għalhekk ittieħed l-Isptar Mater Dei, qabel ma ġie riferut l-Isptar Mount Carmel. Huwa ġie liċenzjat l-għada filgħodu u reġa’ ġie arrestat u mressaq il-Qorti. Quddiem il-Maġistrat, ir-raġel ammetta li kkawża biża’ lis-sieħba tiegħu li kienet se tintuża vjolenza kontriha, li kkaġunalha ġrieħi ħfief, li heddidha u insultha, kif ukoll li abbuża minn apparat elettroniku. Huwa ammetta wkoll li kabbar aktar pjanti tal-kannabis milli hu permess bil-liġi.

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Ispettur Cauchi talab sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin fid-dawl taċ-ċirkostanzi, kif ukoll ordni ta’ trattament biex l-imputat jindirizza l-problemi ta’ rabja tiegħu. Min-naħa tiegħu, l-Ispettur Antonello Magri qal li l-multa relatata mal-kannabis kellha tkun ta’ €1,000 peress li l-pjanti kienu aċċessibbli għat-tfal.

L-Avukat parte civile Ludvic Caruana qal li kien hemm diversi inċidenti ta’ vjolenza bejn l-imputat u l-vittma, u li l-mara ddeċidiet tirrapporta l-każ meta ma setgħetx tiflaħ aktar. Huwa sostna li l-vittma mhix qed titlob li r-raġel jintbagħat il-ħabs, iżda li hi u wliedha jkunu protetti. Huwa talab ukoll għal ordni ta’ trażżin u li l-imputat ma jirritornax id-dar sakemm ma jittrattax il-problemi ta’ rabja tiegħu.

L-avukat tal-għajnuna legali, Martin Farrugia, argumenta li l-akkużi ma jinkludux talba għal ordni ta’ trattament u li l-klijent tiegħu m’għandux jiġi obbligat isegwi programm bħal dan. Madankollu, l-Ispettur Magri rribatta billi qal li l-imputat stqarr li hu jikkonsma ammont kbir ta’ kannabis u li kieku ma kienx hekk kien jaffaċċja akkużi aktar serji relatati mat-traffikar tad-droga.

Wara li semgħet lill-partijiet kollha, il-Qorti tat lir-raġel sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin favur il-vittma, flimkien ma’ ordni ta’ trattament ta’ tliet snin. Il-Qorti mmultat lir-raġel €2,000 għall-użu ħażin ta’ apparat elettroniku u €1,500 oħra relatati mal-kultivazzjoni tal-pjanti tal-kannabis.

Is-sentenza ngħatat mill-Maġistrat Tanya Sammut. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Christian Cauchi u Antonello Magri. L-imputat kien assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia, filwaqt li l-vittma kienet rappreżentata mill-avukati Ludvic Caruana u Francesca Fenech.