Lokali Qorti

Żewġ żgħażagħ jammettu akkużi ta’ serq u aggressjoni fil-Għargħur

Żewġ żgħażagħ tressqu quddiem il-Qorti b’rabta ma’ allegat serq u aggressjoni li seħħew f’Għargħur lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet. L-akkużati huma student ta’ 19-il sena u żagħżugħa ta’ 21 sena, li t-tnejn ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom.

Skont il-prosekuzzjoni, l-inċident seħħ filgħaxija tat-30 ta’ Diċembru 2025. Il-pulizija qalet lill-Qorti li dakinhar instabu l-allegat vittma flimkien ma’ xufier tat-taxi, b’vettura li kienet sofriet ħsarat. Ġie spjegat li l-vittma kienet marret il-Għargħur wara komunikazzjoni li saret permezz ta’ Messenger dwar il-bejgħ ta’ mobile phones.

Waqt din il-laqgħa nqala’ argument dwar il-flus, li skont l-allegazzjonijiet wassal biex l-akkużati ħadu l-mobile phones fil-pussess tagħhom, aggredew lill-vittma u telqu minn fuq il-post. L-oġġetti allegatament misruqa jinkludu iPhone 12, iPhone 17 Pro Max, pouch, bank card u oġġetti oħra, b’valur totali li jaqbeż it-€2,329.

L-akkużati ġew mixlija wkoll li kkawżaw ġrieħi ħfief lill-vittma, kif iċċertifikat minn rapport mediku, kif ukoll li aġixxew bħala kompliċi ta’ xulxin. Barra minn hekk, huma akkużati li kkawżaw ħsara volontarja lil proprjetà, fosthom it-taxi, b’danni stmati għal €1,945.43, għad-detriment tax-xufier.

Wara li ammettew l-akkużi kollha, id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, talba li ma kinitx oġġezzjonata mill-prosekuzzjoni. Il-Qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ naħat, ikkonfermat il-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €5,000, bil-kundizzjoni li l-akkużati jkunu preżenti għal kull seduta tal-Qorti u li ma jkollhom ebda kuntatt max-xhieda.

Il-Qorti ordnat ukoll li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur iż-żewġ vittmi.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Ylenia Xerri, filwaqt li d-difiża kienet immexxija mill-avukati Victor Bugeja u Dean Hili.