Lokali

Il-Labour ta parti mill-kosta ta’ Bormla lill-AUM

L-American University of Malta qed tgħid li l-baħar quddiem il-Campus ta’ Bormla, huwa spazju privat, ċioèli l-baħar huwa tagħha.

Filwaqt li qed tagħmel dan l-AUM qed titlob lis-sidien ta’ numru ta’ dgħajjes sabiex jiżgumbrawhom mill-baħar wara li tqiegħed avviż fejn fih jingħad li kull dgħajsa li preżentament tinsab wieqfa quddiem il-campus tal-Università privata għandha titneħħa sa mhux aktar tard mit-28 ta’ Frar.

Il-ġurnal Times of Malta żvela dan kollu filwaqt li ġie spjegat li għadu ma rċeviex risposta mingħand il-Ministru Owen Bonnici responsabbli mill-Awtorità tal-Artijiet, u li fuq dan l-avviż hemm il-logo tal-istess awtorità.

Intant, is-Segretarju Parlamentari Glen Bedingfield, li ċertament dan mhux responsabbiltà tiegħu, ħass li kellu joħroġ jispjega li jinsab kunfidenti li se tinstab soluzzjoni u li se jkollu jintervjeni l-Gvern – ammissjoni li prattikament bħalissa qed tagħti raġun lill-istess Università.

Filwaqt li ħeġġeġ lis-sidien tad-dgħajjes sabiex jinjoraw l-avviż, huwa ċar li Gvern taħt amministrazzjoni Laburista tat parti mill-kosta ta’ Bormla lill-AUM mingħajr ma avżat lill-pubbliku – u sussegwentament ħadmet minn wara dahar il-komunità tal-Kottonera.