Aktar kmieni llum ingħatat l-aħħar tislima lil Oliwia Wojnowska, it-tifla ta’ 13-il sena li tilfet ħajjitha b’mod traġiku wara li nġarret minn mewġa qawwija fiċ-Ċirkewwa. Il-funeral tagħha sar f’Magdalence, fil-Polonja, u ġibed lejh folol kbar ta’ nies li nġabru biex jagħtuha l-aħħar tislima.
Il-quddiesa bdiet fis-1.00pm fil-Knisja ta’ Santa Marija Maddalena, iżda n-numru ta’ dawk preżenti kien tant kbir li ħafna minnhom kellhom jibqgħu barra l-knisja. F’atmosfera ta’ silenzju u riflessjoni, il-folla sellmet lil tifla li ħajjitha ntemmet kmieni wisq. Tul il-passaġġ sal-artal tqiegħed tapit ta’ fjuri bojod bħala simbolu tal-innoċenza u l-purità ta’ Oliwia.
Matul iċ-ċerimonja, ix-xeni kienu ta’ qsim il-qalb, b’qraba, ħbieb, sħabha tal-iskola u membri tal-komunità lokali ilkoll ingħaqdu fin-niket u d-dwejjaq.
Fl-omelija tiegħu, il-qassis tkellem dwar it-tama u l-fidi, u fakkar lil dawk preżenti li, skont it-tagħlim Nisrani, il-mewt mhix it-tmiem.
Il-qassis irrimarka li l-firda minn Oliwia hija diffiċli ħafna speċjalment għall-ġenituri tagħha u ħuta għax, minkejja li ħajjitha kienet qasira, hija ħalliet marka f’qalb dawk kollha li kienu jafuha.
Wara l-quddiesa, il-katavru ta’ Oliwia ġie akkumpanjat saċ-Ċimiterju Parrokkjali, fejn ġiet midfuna.



