Lokali

Is-Soċjetà Maltija tal-Iscale Models b’wirja ta’ ‘l fuq minn 400 mudell fl-MCAST

Ritratti: Martin Agius

Din is-sena s-Soċjetà Maltija tal-Iscale Models qed tiċċelebra l-45 anniversarju mill-fondazzjoni tal-klabb u sabiex tagħmel dan ġiet organizzata l-wirja annwali ta’ mudelli, din id-darba, fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid.

Il-mudelli esebiti jinkludu ‘l fuq minn 400 mudell b’uħud minnhom ġejjin minn pajjiżi diversi fosthom il-Bulgarija u l-Italja – fejn b’kollox hemm mal-mitt eżebitur.

Dawk kollha li se jkunu qed izuru din il-wirja se jkunu jistgħu jaraw diversi mudelli jikkonsistu f’ajruplani, vapuri, muturi, trakkijiet, vetturi militari u storici, figurini u xeni fittizji.

Bosta minn dawn il-mudelli rebħu numru ta’ premjijiet f’komptezzjonijiet internazzjonali fl-aħħar xhur u snin u proprju qed jieħdu sehem f’din il-kompetizzjoni li qed tiġi organizzata preżentament.

Matul dawn il-jiem qed jiġu organizzati wkoll workshops relatati ma’ dan id-delizzju għal qalb tant bosta Maltin u Għawdxin – fejn ċertament dawn il-mudelli jirrappreżentaw sigħat twal ta’ ħidma u dedikazzjoni.

Il-wirja qed tiġi organizzata għall-ewwel darba fl-MCAST ta’ Raħal Ġdid u tkun miftuħa mid-disgħa ta’ filgħodu sal-ħamsa ta’ waranofsinhar sa nhar it-Tlieta 10 ta’ Frar.