Lokali

L-IMF jikkonferma dak li ilu jgħid il-PN fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan – PN

Iwissi li l-mudell ekonomiku attwali tal-Gvern Laburista skada, u li ma nistgħux nibqgħu niddependu fuq l-influss kontinwu tal-ħaddiema barranin

Kważi sena ilu l-Partit Nazzjonalista ppubblika l-pożizzjoni uffiċjali tiegħu li kienet issejjaħ biex pajjiżna jbiddel ir-rotta, u jaħseb għal mudell ekonomiku ġdid li jħares lejn il-kwalità – ’il bogħod mit-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan ta’ dawn l-aħħar 13-il sena.

Issa waslet ukoll it-twissija tal-Fond Monetarju Internazzjonali li l-mudell ekonomiku attwali ta’ Malta skada, bil-Bord Eżekuttiv tal-IMF jgħid li Malta ma tistax tibqa’ tiddependi fuq influss kontinwu ta’ ħaddiema barranin biex issostni t-tkabbir tal-ekonomija, waqt li jinnota li Malta llum għandha densità ta’ popolazzjoni ferm akbar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Il-Gvern Laburista ma kellu għalfejn jistenna l-ebda rapport internazzjonali biex jikkonferma dan, għax kieku verament qed iħoss il-polz tal-poplu jaf li din hi weġgħa kbira. Il-politika tat-tkabbir tal-popolazzjoni bla pjan, li wasslet għal overpopulation u stress infrastrutturali fuq Malta, falliet.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-IMF jistqarr li t-tkabbir permezz tal-importazzjoni tal-ħaddiema minn pajjiżi terzi qed jilħaq il-limiti tiegħu – xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ilu jwissi dwarha. Issa anke esperti barranin qed jikkonkludu li wara 13-il sena ta’ din il-politika li ma tarax fit-tul, pajjiżna jinsab bla viżjoni ekonomika.

Din il-konklużjoni tikkonferma dak li qed iħoss il-poplu Malti: Gvern Laburista bla pjan li neffaħ l-ekonomija billi fetaħ il-bibien tiegħu għall-barranin bla ma wettaq l-ebda studji.

Din il-politika li fissret id-dħul ta’ aktar minn 100,000 ħaddiema barrani f’pajjiżna fi 13-il sena wasslet biex illum il-Maltin u l-Għawdxin qed jgħixu f’densità li hija 15-il darba aktar mill-medja tal-Ewropa.

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jintrabat minn issa li jindirizza mill-ewwel din l-isfida kbira, u li din tkun prijorità ta’ Gvern ġdid Nazzjonalista. Gvern ġdid immexxi mill-PN iħares lejn il-kwalità, il-ħiliet u l-bżonnijiet ta’ pajjiżna bi pjan serju mibni fuq Labour Market Study li jitwettaq bis-serjetà – kuntrarju għal dak li qal li għamel il-Gvern Laburista u sal-lum għadna ma nafux sarx verament u x’ħareġ minnu.

Il-PN ilu jisħaq dwar il-bżonn li jsir dan l-istudju li janalizza s-suq tax-xogħol, imma wkoll li jiġu introdotti miżuri bbażati fuq tbassir ekonomiku studjat u ppjanat li jindirizza t-tkabbir tal-popolazzjoni – id f’id mal-bżonnijiet ekonomiċi tagħna, b’deċiżjonijiet meħuda fl-interess nazzjonali – kif ukoll studji settorjali speċjalizzati għan-niċeċ ekonomiċi differenti li għandu pajjiżna.

Dan intqal fi stqarrija ffirmata mix-Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà Darren Carabott u x-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni Ivan Castillo.