Lokali

Owen Bonnici jibqa’ jattakka partiġjanalament fuq il-Prim’ Imħallef

Il-Ministru Owen Bonnici responsabbli minn elenku twil ta’ affarijiet, fosthom ix-Xandir tal-Istat, qal li ma jafx kemm qed jitħallas il-preżentatur u podcaster Ricky Caruana.

Dan hekk kif f’intervista ma’ Andrew Azzopardi fuq il-programm tar-radju Campus FM, kien mistoqsi dwar is-salarju ta’ Ricky Caruana hekk kif fl-aħħar jiem, din il-kwistjoni qajmet kontroversja sħiħa wara allegazzjonijiet li Caruana kien qed idawwar salarju iżjed minn ta’ ħaddieħor. Meta kien mitlub mill-ġurnal Times of Malta biex isir magħruf kemm qed jitħallas Caruana, din it-talba kienet rifjutata.

Fl-istess intervista Owen Bonnici attaka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg għaliex ma qabilx dwar l-għażla tal-isem ta’ Prim Imħallef li l-Gvern Laburista ressaq biex tkun is-suċċessur ta’ Mark Chetcuti.

Intant, b’rabta mal-kwistjoni tal-Bord tal-Paċi, il-Ministru Owen Bonnici insista li fl-aħħar jiem saru taħdidiet fuq livell ta’ Kabinett madanakollu ma żvelax x’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern.

Dan wara li l-Prim Ministru Robert Abela, meta mistoqsi mix-Shadow Minister Mario De Marco, kien żvela li kienet saritlu stedina informali sabiex Malta tissieħeb mal-Bord tal-Paċi ta’ Donald Trump, liema stqarrija qajmet furur u kritika kbira, inkluż minn ħdan il-Partit Laburista nnifsu.