Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, ħabbar li se jimponi tariffi ġodda fuq kwalunkwe pajjiż li jkun qed jinnegozja mal-Iran.
Trump insista li kull pajjiż li jagħmel xi tip ta’ negozju mal-Iran ser jispiċċa jħabbat wiċċu ma’ tariffa ġdida ta’ madwar 25% fuq dak li jimporta fl-Istati Uniti.
Din id-deċiżjoni ġiet f’waqt fejn għadhom għaddejin negozjati dwar il-programm nukleari tal-Iran, u Trump qed juża l-pressjoni ekonomika biex jaffettwa pajjiżi li għandhom relazzjonijiet kummerċjali ma’ Tehran, bħaċ-Ċina, l-Indja, it-Turkija u l-Emirati Għarab Uniti.
Skont rapporti internazzjonali, din il-mossa turi politika aktar aggressiva minn Trump, fejn is-saħħa li għandu li jimponi tarriffi ġodda mhux biss qed jintużaw f’nofs kunflitti kummerċjali iżda wkoll bħala mezz ta’ pressjoni fuq negozjati internazzjonali u s-sanzjonijiet kontra l-Iran.
Fuq nota oħra, Donald Trump irrifjuta li jiskuża ruħu wara li fuq il-media soċjali tiegħu, deher video li juri lil Barack Obama u Michelle bħala xadini, u qala baraxx ta’ kummenti minħabba l-fatt li ħafna qalu li kien mifni b’kontenut razzist u dehumanizzanti.
Id-deskrizzjoni dehret lejn l-aħħar tal-filmat, fejn sostniet allegazzjonijiet miċħuda li l-elezzjoni tal-2020, li Trump tilef kontra Joe Biden, insterqet minnu.
Il-filmat ta’ żewġ sekondi juri l-uċuh tal-koppja Obama fuq ġisem ta’ xadini jitbandlu ’l fuq u ’l isfel mal-melodija ta’ The Lion Sleeps Tonight.
Intant, il-post tħassar madwar 12-il siegħa wara li ġie ppublikat.
Uffiċjal tal-White House qal li membru tal-istaff tella’ il-post bi żball. Aktar tard, waqt li kien abbord l-Air Force One, il-President tal-Istati Uniti qal li naturalment jikkundanna l-partijiet razzisti tal-filmat, iżda spjega mal-ġurnalisti li mhux se jiskuża ruħu, u ma qalx jekk kienx se jkeċċi lill-membru tal-istaff li ppubblikah.
//= $special ?>

