Il-ħemda ta’ villaġġ kwiet fit-Tramuntana ta’ Shropshire inħasdet meta anzjana Maltija ta’ 84 sena nstabet maqtula fid-dar tagħha.
Kien it-3 ta’ Frar meta l-pulizija kienu mgħajta wara rapport li sar hekk kif din l-anzjana kienet ilha ma tintlemaħ mill-jum tal-Milied. U fit-3:05pm, il-pulizija sabu lil Rita Rowley mejta fid-dar tagħha.
Minnufieh, il-Pulizija arrestat lis-sieħeb tagħha, anzjan ta’ 80 sena u li qed ikun maħsub li kien propju hu li qatel lil Rowley.
Il-vittma, Rita Rowley li ilha tgħix fid-dar fejn instabet mejta għal dawn l-aħħar 40 sena, kienet ilha ma tidher mill-jum tal-Milied, avolja l-ġirien tagħha spjegaw li din ma tantx kienet għadha toħroġ mid-dar tagħha.
Rowley, li hija Maltija, kienet tbagħti mill-kundizzjoni tad-dementia u anke ssieltet għal ħajjitha wara dijanjosi ta’ kanċer. Rita, iżewwġet lir-raġel tagħha Wilfred Rowley lura fl-1962 f’Tas-Sliema meta hu kien stazzjonat f’pajjiżna mill-armata Brittanika. Iżda dan miet meta kellu inċident fatali bil-karozza fl-2002.
Ġirien li tkellmu mal-midja spjegaw li l-koppja kienu tal-affari tagħhom u kwieti, u li l-aħħar li dehru kienu meta qassmu xi kartolini tal-milied f’Diċembru.
Jidher ukoll illi l-allegat aggressur u cioè is-sieħeb ta’ Rita jinsab jissielet għal ħajtu fl-Isptar tal-lokal fejn qed ikun segwit mill-qrib mill-Pulizija.
Huwa magħruf illi Rita Rowley għandha xi qraba li għadhom jgħixu f’pajjiżna.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejin.




